Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għal aktar kooperazzjoni reġjonali biex jiġu protetti l-baħar u l-ambjent marittimu tal-Mediterran
Ikkommemorat il-50 anniversarju mit-twaqqif tar-Regional Marine Pollution Emergency Response Centre for the Mediterranean Sea (REMPEC)
Matul din il-ġimgħa ġie mfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tar-Regional Marine Pollution Emergency Response Centre for the Mediterranean Sea (REMPEC), li ilu mwaqqaf u bbażat f’Malta sa mill-1976. Dan iċ-Ċentru jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-tniġġis marittimu fil-Mediterran. L-anniversarju ġie ċċelebrat f’Malta bit-tema “Our Mediterranean – Our Responsibility”, li tirrifletti l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji biex jiġu indirizzati r-riskji li jaffettwaw il-baħar komuni tagħna.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li l-fatt li Malta tospita r-REMPEC iġorr miegħu responsabbiltà partikolari biex tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni għall-ħarsien tal-Mediterran. “Bħala l-pajjiż li għandu fi ħdanu r-REMPEC, din għalina mhix biss okkażjoni li fiha nimmarkaw il-50 anniversarju, iżda hija wkoll appell biex il-pajjiżi Mediterranji jkomplu jingħaqdu flimkien ħalli verament inkunu qegħdin nindirizzaw l-istat ambjentali tal-Mediterran. Wara kollox, il-baħar li jdawwarna jgħin lill-pajjiżi u għandu potenzjal ekonomiku u kummerċjali, iżda bl-istess mod irridu naċċertaw li nkunu qegħdin nipproteġuh mill-aspett ambjentali wkoll,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett qal li l-50 sena ta’ REMPEC huma xhieda tal-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji biex jiġu indirizzati riskji li ma jieqfux mal-fruntieri tal-pajjiżi. “Ħamsin sena ilu, il-pajjiżi tal-Mediterran fehmu realtà sempliċi: it-tniġġis fuq il-baħar ma jieqafx mal-fruntieri nazzjonali. Illum din il-lezzjoni hija saħansitra aktar importanti. Ir-riskji tagħna huma komuni u għalhekk it-tħejjija tagħna trid tkun komuni wkoll,” qal il-Ministru Bonett.
Huwa qal li r-rwol tar-REMPEC sar saħansitra aktar importanti hekk kif is-settur marittimu qed jinbidel, b’fjuwils u teknoloġiji ġodda, bastimenti akbar u riskji aktar kumplessi. F’dan il-kuntest, il-Ministru enfasizza l-ħtieġa għal aktar prevenzjoni, taħriġ, skambju ta’ informazzjoni u sistemi ta’ rispons li jkunu jistgħu jaħdmu flimkien madwar il-Mediterran.
Il-Ministru Bonett qal li Malta, bħala pajjiż gżira u bħala l-pajjiż ospitanti tar-REMPEC, se tkompli tkun minn ta’ quddiem biex issaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u tippromwovi t-tbaħħir u l-portijiet aktar nodfa. “F’50 sena, ir-REMPEC wera x’jista’ jinkiseb meta l-pajjiżi jaħdmu flimkien. Il-ħamsin sena li ġejjin jeħtieġu li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess biex nipproteġu l-baħar li jgħaqqadna lkoll,” temm jgħid il-Ministru Bonett.