gov.mt

PR261659

PR261659

07/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTRU GĦAS-SAĦĦA U L-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Jibdew l-ewwel laqgħat f’pajjiżna bħala parti mis-26 edizzjoni tal-WTTC Global Summit

​

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg jindirizza lil dawk preżenti u, flimkien mal-Ministru Jo Etienne Abela u l-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard, jipparteċipa f’diskussjonijiet dwar il-futur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu

Ministri u mexxejja internazzjonali fl-industrija tal-ivvjaġġar u t-turiżmu nġabru fit-Teatru Manoel għall-Global Leaders Dialogue, bħala parti mis-Summit Globali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC). Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-titjib fl-esperjenza tal-vjaġġaturi u l-kundizzjonijiet għall-investiment, bil-għan li t-turiżmu jħalli aktar benefiċċji fil-komunitajiet.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg laqa’ lill-parteċipanti u qal li dan is-Summit juri l-ambizzjoni ta’ Malta li tkun fuq quddiem fis-settur tat-turiżmu u lil hinn. Huwa qal li pajjiżna jrid jaħdem mal-aqwa u jħares lejn il-futur b’ottimiżmu, filwaqt li jkompli jtejjeb il-kwalità ta’ dak li jagħmel, imsaħħaħ mill-fiduċja tal-investituri internazzjonali u ta’ dawk li jżuruna.

“Sena ilu, f’Ruma, kelli l-pjaċir nilqa’ l-aħbar li Malta kienet se tospita dan is-Summit. Illum huwa mument ta’ kburija li nara dak li ħdimna għalih qed isir realtà. Huwa ta’ unur li għandna fostna mexxejja fil-qasam tal-ospitalità, l-ivvjaġġar u t-turiżmu biex flimkien jiddiskutu t-triq ’il quddiem,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Dr Borg ipparteċipa wkoll, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard, fil-panel Seamless Travel: Where Government and Industry Meet, filwaqt li l-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela pparteċipa fil-panel Winning the Race for Global Investment.

Id-diskussjonijiet indirizzaw kif il-gvernijiet u l-industrija jistgħu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar permezz tal-konnettività, it-teknoloġija u proċessi aktar effiċjenti, filwaqt li titħares is-sigurtà u tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri.

Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li hemm diversi kriterji li investituri prospettivi, jużaw biex jieħdu deċiżjonijiet. Saħaq kif il-pajjiżi għandhom ifittxu li l-liġijiet marbuta mas-settur u r-regolazzjoni tiegħu jkunu implimentati b’mod effiċjenti, trasparenti u prevedibbli. Investitur prospettiv jista’ jiġi skoraġġit b’burokrazija żejda, li tista’ toħnoq u saħansitra xxejjen idea li tkun tajba. Malta qed tagħmel ħafna biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati. 

“Għal pajjiżna, dan mhux Summit bħall-oħrajn, imma għandu l-potenzjal li jixpruna direttament it-turiżmu tagħna f’direzzjoni li tħalli aktar valur għall-Maltin u l-Għawdxin,” temm jgħid Dr Abela.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard qal li dan is-Summit jirrifletti l-ambizzjoni tal-Gvern Malti li jwassal lil pajjiżna għal livell ogħla filwaqt li jibqa’ jagħmel ċert li minn din l-industrija jgawdi l-poplu kollu.

“It-turiżmu huwa storja ta’ suċċess għal Malta u settur li permezz tiegħu jinħoloq u jitqassam il-ġid. Madankollu, irridu dejjem nimmiraw għal livell aħjar. Għalhekk qed inlaqqgħu f’pajjiżna wħud mill-aqwa mħuħ biex flimkien infasslu futur tat-turiżmu li jaqdi l-aqwa interessi tal-komunitajiet tagħna,” qal Attard.

Is-Summit, li qed ilaqqa’ f’Malta aktar minn 1,000 delegat internazzjonali u 190 ġurnalist, se jkompli fil-jiem li ġejjin b’diskussjonijiet dwar il-futur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu.


​