gov.mt

PR261660

PR261660

07/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU MED9 Summit: Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq fuq l-importanza tal-konnettività u l-enerġija affordabbli għal pajjiż bħal Malta

​

Dr Abela jgħid li l-Baġit Ewropew li jmiss jeħtieġ jirrikonoxxi l-isfidi reali u permanenti marbuta ma’ fatturi ġeografiċi

Waqt li kien qed jindirizza s-Summit tal-Grupp MED9 fil-belt ta’ Split, fil-Kroazja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Baġit Ewropew li jmiss – il-Qafas Pluriennali Ewropew għas-snin 2028–2034 – jeħtieġ jirrikonoxxi l-isfidi reali u permanenti kkawżati minn fatturi ġeografiċi. “Għal Malta, konnettività affidabbli, enerġija affordabbli u infrastruttura reżiljenti huma bżonnijiet ekonomiċi essenzjali.”

Proprju ġimgħa qabel il-Mexxejja Ewropej jiltaqgħu fi Brussell biex jieħdu deċiżjonijiet li se jkollhom impatt fuq l-UE fit-tul, din il-laqgħa offriet opportunità biex jiġu diskussi temi importanti bħal dak tal-Baġit Ewropew u l-qagħda ġeopolitika.

Dr Abela tkellem dwar l-importanza li d-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, inkluż dwar kif jintużaw ir-riżorsi fil-baġit li jmiss, jirriflettu l-bżonnijiet tal-Mediterran. Huwa spjega li l-Mediterran hemm bżonn li jkun trattat bħala prijorità Ewropea għaliex huwa l-post fejn is-sigurtà, il-kummerċ, l-enerġija u r-reżiljenza klimatika Ewropea jiġu flimkien u għalhekk id-deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-Mediterran huma d-deċiżjonijiet li se jaffettwaw lill-Ewropa kollha.

Fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-baġit Ewropew, il-Prim Ministru tenna li jrid ikun hemm kumplimentarità bejn prijoritajiet ġodda u dawk tradizzjonali bħall-politika tal-koeżjoni, il-politika agrikola u dik tas-sajd, li kulma jmur dejjem isiru aktar relevanti. Huwa qal li biex jissaħħaħ is-Suq Komuni u tkun appoġġjata r-reżiljenza ekonomika, irid jibqa’ jkun assigurat li kull pajjiż u reġjun ikun jista’ jikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea.

Dr Abela tenna wkoll li Malta se tkun kostruttiva sabiex jinstabu riżorsi ġodda. Huwa saħaq li Malta tibqa’ kontra l-introduzzjoni ta’ taxxi fuq livell Ewropew u qal li l-kompetenza tat-tassazzjoni tibqa’ tal-Gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali.

Ir-relazzjoni mal-viċinat tan-Nofsinhar hija kruċjali għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru indirizza wkoll t-tema tal-migrazzjoni u saħaq li r-relazzjoni mal-kontinent Afrikan trid tkun sostnuta bi sforzi ġodda u reali. Dr Abela qal li minkejja li għandna nibqgħu nagħtu l-importanza li jixraq lis-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ewropa, daqstant ieħor huwa importanti li tingħata attenzjoni lill-viċinat tan-Nofsinhar. Huwa saħaq ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tkun aktar preżenti u tikkoopera mill-qrib ma’ sħab importanti bħal-Libja, mhux biss fil-kuntest tal-migrazzjoni, iżda f’kuntest aktar wiesa’, inkluż fuq temi importanti bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u l-investiment.

‘It-Tranżizzjoni ħadra ma tistax timmina l-konnettività u l-kompetittività’

Matul id-diskussjoni, il-Prim Ministru indirizza wkoll it-tħassib marbut mal-instabbilità fil-Lvant Nofsani u l-impatti negattivi fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Dr Abela rrimarka li l-politika Ewropea dwar l-enerġija ma tistax titfa’ lin-nies u lin-negozji fi żvantaġġi strutturali. Huwa spjega li l-Gvern Malti huwa kommess li jibqa’ jħaddan politika ta’ stabbiltà fil-prezz tal-enerġija u tal-fjuwil biex jassigura stabbiltà ekonomika. 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-bżonn li jkun hemm kumplimentarità bejn il-miri klimatiċi u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. “Filwaqt li jeħtieġ li nibqgħu kommessi li nilħqu l-miri ambizzjużi tat-Tranżizzjoni Ħadra, dan irid isir mingħajr ma tkun imminata l-konnettività, fattur importanti li minnu jiddependi pajjiżna.”

Dr Abela rrefera wkoll għall-Emissions Trading Scheme (ETS) u filwaqt li rrikonoxxa l-importanza tagħha għal aktar dikarbonizzazzjoni, irriafferma l-importanza li inizjattivi bħal dawn ma jpoġġux rotot u gżejjer bħal Malta u l-industrija fi żvantaġġ.

Fi tmiem is-Summit, il-Mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta li tirrifletti l-konverġenza fuq it-temi diskussi. Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn lejn il-ħidma fi ħdan il-Grupp MED9 u rrimarka kif din il-laqgħa kompliet tikkonsolida l-perspettiva Mediterranja f’mument kruċjali għall-Ewropa. 

Il-pajjiżi Ewropej membri tal-Med9 huma l-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja u Malta. 

Attendew ukoll dan is-Summit il-Prinċep Albert II ta’ Monaco, il-Prinċep Al Hussein bin Abdullah tal-Ġordan, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa u l-Kummissarju Ewropew għall-Mediterran Dubravka Suica.

​

​