Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Deo Debattista, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Istandards tal-Persuni Anzjani (OPSA), George Fenech, nieda s-servizz il-ġdid tal-Freephone 1578, bil-għan li l-Awtorità tkun aktar aċċessibbli għall-persuni anzjani u l-familji tagħhom.
L-OPSA hija awtorità regolatorja li għandha l-għan li tgħolli l-kwalità u l-istandards tas-servizzi għall-persuni anzjani, filwaqt li tħares u tippromwovi d-dinjità, is-sigurtà u l-benesseri tagħhom.
Permezz tal-Freephone 1578, persuni anzjani, qraba u membri tal-pubbliku se jkollhom mezz aktar sempliċi u dirett biex jagħmlu kuntatt mal-Awtorità, iressqu mistoqsijiet, jesprimu tħassib jew jagħmlu ilmenti relatati mas-servizzi mogħtija fid-djar residenzjali għall-persuni anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-aċċessibbiltà tas-servizzi għall-anzjani u l-familji tagħhom.
“Meta persuna anzjana jew familjari jkollhom tħassib, huwa importanti li jkunu jafu fejn jistgħu jirrikorru u li jsibu min jismagħhom. Il-Freephone 1578 jagħmel dan il-kuntatt aktar faċli u dirett. Fuq kollox, qed inkomplu nwasslu l-messaġġ li l-vuċi tal-anzjani tagħna tgħodd u għandha tinstema'," qal Dr Debattista.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OPSA, George Fenech, qal li t-tnedija tal-Freephone hija pass ieħor biex l-Awtorità tkun eqreb lejn il-persuni li tagħti servizz lilhom. Huwa spjega li permezz ta' dan il-mezz ġdid, l-OPSA se tkun tista' tirċievi u tindirizza mistoqsijiet, tħassib u ilmenti b'mod aktar dirett u effiċjenti.
Dr Debattista rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-OPSA għall-ħidma tagħhom favur standards ogħla fis-servizzi għall-persuni anzjani, filwaqt li saħaq li l-kwalità fis-servizzi tmur lil hinn mir-regolamentazzjoni u għandha dejjem tkun mibnija fuq ir-rispett, id-dinjità u l-benesseri tal-persuna.
It-tnedija tal-Freephone 1578 hija parti mill-ħidma kontinwa tal-OPSA biex issaħħaħ il-komunikazzjoni mal-persuni anzjani u l-familji tagħhom u tkompli taħdem favur servizzi ta' kwalità li jħarsu d-drittijiet tagħhom.
Il-Freephone 1578 se jkun disponibbli matul il-ħinijiet tal-uffiċċju.