gov.mt

pr261663

PR261663

08/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Magna ġdida mistennija tnaqqas il-ħin tat-tindif fl-Imdina b’madwar 60%

Il-Kunsill Lokali tal-Imdina ngħata magna elettrika ġdida għall-ħasil tat-toroq mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, li mistennija tnaqqas il-ħin meħtieġ għat-tindif b'madwar 60% u tkompli ttejjeb il-livell tal-indafa f'din il-Belt, li tilqa' madwar 2.5 miljun turist fis-sena.

 

Din il-magna, hija mfassla għall-ħasil tat-toroq u tista' tintuża b'mod partikolari f'żoni urbani fejn l-aċċess huwa aktar limitat. Id-daqs kompatt tagħha jagħmilha adattata għall-karatteristiċi partikolari tal-Imdina, inklużi t-toroq dojoq u irregolari tagħha.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli waqt żjara fl-Imdina fejn ġiet ippreżentata l-magna ġdida. Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Jude Zammit, u s-Sindku tal-Imdina, Peter Joseph Dei Conti Sant Manduca. Matul iż-żjara, huma setgħu jaraw mill-qrib il-magna taħdem u kif se tkun qed tintuża fit-toroq tal-Imdina bħala parti mill-ħidma ta' tindif u manutenzjoni tal-Belt.

 

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet li l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu lill-Kunsilli Lokali billi jipprovdilhom l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu joffru servizzi ta' kwalità aħjar lill-komunitajiet tagħhom. “Din hija eżempju konkret ta' kif il-ħidma bejn il-Ministeru, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u l-Kunsilli Lokali qed tinbidel f'azzjoni li twassal għal spazji pubbliċi aktar nodfa, effiċjenti u sostenibbli għar-residenti u għall-viżitaturi tagħna," qalet il-Ministru.

 

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni Jude Zammit qal li din il-magna se tkompli ttejjeb il-proċess tat-tindif tal-Imdina billi tgħaqqad il-knis mal-ħasil tat-toroq.

 

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Imdina Peter Joseph Dei Conti Sant Manduca qal li din il-magna se tkun għodda importanti biex ikompli jittejjeb it-tindif tal-Imdina u biex il-Belt tibqa' toffri ambjent nadif u miżmum tajjeb għar-residenti u l-eluf ta' viżitaturi li jżuruha matul is-sena.

 

Il-magna għandha tank tal-ilma b'kapaċità ta' 210 litri u tintuża wara l-knis sabiex it-toroq ikunu jistgħu jinħaslu b'mod aktar effiċjenti. Hija kapaċi tilħaq ukoll iż-żoni taħt il-bankini u tippermetti tindif aktar ikkonċentrat fejn ikun hemm bżonn. Qabel l-introduzzjoni tagħha, it-tindif kien isir permezz ta' magna għall-knis flimkien ma' xogħol manwali, filwaqt li l-ħasil se jgħin ukoll biex jitneħħew residwi li jistgħu jattiraw l-insetti, speċjalment fix-xhur sħan.

 

Il-magna taħdem bl-elettriku u tista' tintuża għal bejn sitt u tmien sigħat qabel ma jkun hemm bżonn li terġa' tiġi ċċarġjata. Minbarra li ma tużax fjuwil u ma tiġġenerax emissjonijiet waqt it-tħaddim, hija wkoll aktar kwieta minn makkinarju konvenzjonali, fatt li huwa partikolarment rilevanti għall-Imdina bħala l-'Belt Siekta'.

 

Minħabba n-natura storika tal-Imdina, it-tindif irid isir b'attenzjoni partikolari. Għaldaqstant, il-magna se tintuża bi pressjoni adattata u minn operaturi mħarrġa, filwaqt li ċerti żoni, fosthom kantunieri, turġien u spazji sensittivi, jibqgħu jeħtieġu tindif manwali.​​

​