gov.mt

pr261665

PR261665

08/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Il-pass li jmiss fit-turiżmu huma l-kwalità, il-valur u s-sostenibbiltà” – il-Prim Ministru Robert Abela waqt is-Summit Globali tal-WTTC

  • Il-Prim Ministru jirċievi l-Premju Leadership in Tourism Award tal-WTTC bħala rikonoxximent tas-suċċess li qed tikseb Malta fit-turiżmu

 

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-pass li jmiss għas-settur tat-turiżmu għandu jwassal lil pajjiżna lil hinn minn sempliċiment tkabbir fin-numri, u aktar lejn mudell turistiku mibni fuq il-kwalità, aktar valur u aktar sostenibbiltà.

 

Dan qalu waqt is-Summit Globali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC), li qed ilaqqa' f'Malta mexxejja u stakeholders ewlenin minn madwar id-dinja.

 

Dr Abela nnota l-prestazzjoni b'saħħitha li qed jirreġistra dan s-settur f'pajjiżna. Semma kif matul is-sena l-oħra, għall-ewwel darba, Malta laqgħet aktar minn erba' miljun turist, b'nefqa totali ta' aktar minn €3.9 biljun.

 

Din ix-xejra pożittiva kompliet tiġi sostnuta fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, hekk kif aktar minn 3.1 miljun turist żaru pajjiżna u ġġeneraw kważi €3 biljun f'infiq.

 

Il-Prim Ministru sostna li filwaqt li l-btala Mediterranja tas-sajf tibqa' parti importanti mill-prodott turistiku Malti, illum pajjiżna qed isir dejjem aktar destinazzjoni turistika għal matul is-sena kollha, bi prodott turistiku aktar diversifikat li jinkludi, fost l-oħrajn turiżmu kulturali, konferenzi u vjaġġar marbut man-negozju, tiġijiet, gastronomija, diving, wellness u vjaġġar marbut mat-tagħlim tal-lingwi. 

 

Dr Abela qal li l-wirt kulturali uniku ta' Malta u Għawdex jibqa' ass importanti, iżda enfasizza li fost elementi importanti hemm il-karattru u l-ospitalità tal-poplu Malti u Għawdxi.

 

Huwa sostna li, permezz tal-Viżjoni Malta 2050, pajjiżna qed iħares lejn l-evoluzzjoni li jmiss tas-settur, “evoluzzjoni li qed tmexxina lejn turiżmu ta' aktar kwalità, aktar valur u aktar sostenibbiltà li jaħdem għall-viżitaturi, għan-negozji, għall-ħaddiema u għall-komunitajiet. Għalhekk, pajjiżna qed jiffoka dejjem aktar biex jattira viżitaturi li japprezzaw dak li għandha x'toffri Malta, jesploraw il-kultura u l-wirt tagħha, u jappoġġjaw in-negozji lokali."

 

Il-Prim Ministru tenna li biex nersqu dejjem aktar lejn dan il-għan jeħtieġ dejjem aktar standards ogħla tul il-katina kollha tat-turiżmu, fosthom esperjenzi ta' kwalità, infrastruttura li tkompli titjieb, aktar ħiliet, impjiegi ta' kwalità, użu aħjar tat-teknoloġija u prodott turistiku dejjem aktar b'saħħtu.

 

Dr Abela saħaq li s-sostenibbiltà ma tistax tkun ħsieb sekondarju u lanqas ma tista' tiġi diskussa separatament mit-tkabbir ekonomiku. Għalhekk, il-kwalità tal-ħajja u t-turiżmu ta' kwalità jridu jimxu flimkien. Dr Abela qal li din hija d-direzzjoni li qed tiġi stabbilita permezz tal-Viżjoni Malta 2050. 

 

Huwa nnota li din mhijiex biss sfida għal Malta, iżda waħda globali. “F'dan il-kuntest, il-futur tat-turiżmu jeħtieġ sħubija ġenwina bejn il-gvernijiet, in-negozji, l-investituri, il-ħaddiema, id-destinazzjonijiet u l-komunitajiet," qal Dr Abela.

 

Huwa spjega li proprju għalhekk organizzazzjonijiet bħall-World Travel & Tourism Council għandhom rwol importanti, billi jġibu flimkien it-tmexxija mis-settur pubbliku u dak privat madwar l-istess mejda. Dr Abela żied jgħid li dan is-Summit qed jipprovdi opportunità mhux biss biex jiġi diskuss il-futur tat-turiżmu, iżda wkoll biex jiġu skambjati l-ideat, u jinħolqu sħubijiet li jistgħu verament jgħinu biex ikompli jissaħħaħ is-settur tat-turiżmu.

 

Intant wara d-diskors tiegħu, il-Prim Ministru kien mogħti premju ta' rikonoxximent għall-mod kif Malta qed tmexxi u tagħti eżempju fis-settur turistiku. Il-Leadership in Tourism Award ġie ppreżentat lil Dr Abela miċ-Chairman tal-WTTC Manfredi Lefebvre d'Ovidio.

 

Matul il-ġurnata l-Prim Ministru kellu wkoll diversi laqgħat,  fosthom ma' numru ta' Kapijiet Eżekuttivi ta' kumpaniji internazzjonali li joperaw fis-settur turistiku.

 

Waqt dawn il-laqgħat bosta Kapijiet Eżekuttivi faħħru l-organizzazzjoni ta' din il-konferenza li ġabet flimkien madwar 1,000 delegat u kważi 200 ġurnalist. Diversi oħrajn faħħru wkoll lil Malta, speċjalment għas-suċċess kbir li qed tikseb fil-qasam turistiku. ​​

​