gov.mt

PR261671

PR261671

09/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

“L-edukazzjoni hija l-mutur tal-mobbiltà soċjali u ċ-ċavetta għal futur b'aktar opportunitajiet" – Il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa konsultattiva mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, bi tħejjija għall-Budget 2027

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-edukazzjoni hija wieħed mill-pilastri ewlenin tal-mobbiltà soċjali, hekk kif tagħti lil kull individwu l-opportunità li jiżviluppa l-potenzjal tiegħu, jimxi 'l quddiem u jibni futur aħjar, irrispettivament miċ-ċirkostanzi soċjali jew ekonomiċi li jkun ġej minnhom.

Dan sostnieh waqt laqgħa konsultattiva ta' qabel il-Budget 2027 mar-rappreżentanti tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li saret fil-Berġa ta' Kastilja.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru enfasizza l-irwol kruċjali tas-settur edukattiv fit-tisħiħ tal-mobbiltà soċjali u fil-ħolqien ta' soċjetà li toffri opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Huwa sostna li sistema edukattiva b'saħħitha tiddependi fuq edukaturi motivati, imħarrġa u stmati, li ta' kuljum jagħtu kontribut essenzjali għall-iżvilupp tal-istudenti u għalhekk il-ftehimiet kollettivi b'saħħithom li ġew iffirmati fl-aħħar xhur.

F'dan il-kuntest, il-Prim Ministru rrefera għal Viżjoni Malta 2050, li tqiegħed l-edukazzjoni fuq quddiem nett bħala wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku, tal-progress soċjali u tal-iżvilupp tal-potenzjal ta' kull individwu.

Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern jibqa' impenjat li jinvesti fis-settur edukattiv kemm u kull fejn ikun hemm bżonn, b'għaqal u b'responsabbiltà. Huwa enfasizza li kull investiment fl-edukazzjoni huwa investiment dirett fl-istudenti u fil-futur tagħhom, u għalhekk għandu jibqa' mmirat lejn it-titjib tal-esperjenza edukattiva u l-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għal kulħadd.

Dr Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-bidu pożittiv tas-sena skolastika, filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma u l-impenn meħtieġa sabiex jiġu offruti servizzi edukattivi li llum huma aktar estensivi minn qatt qabel.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-miżura mill-Manifest Elettorali li bdiet tiġi implimentata minn din is-sena skolastika, bil-għan li tingħata għajnuna aktar diretta lill-istudenti u lill-familji l-aktar vulnerabbli. Permezz ta' din il-miżura, il-Gvern ittrippla l-allokazzjoni annwali disponibbli għall-kapijiet tal-iskejjel biex jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-istudenti, minn €10,000 għal €30,000 fis-sena.

Din iż-żieda qed tippermetti lill-kapijiet tal-iskejjel joffru aktar għajnuna lill-familji li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji, fosthom għall-provvista ta' uniformijiet u lbies tal-iskola, ikliet għall-istudenti, kotba u materjal edukattiv, kif ukoll għall-parteċipazzjoni f'ħarġiet u attivitajiet edukattivi. Il-Prim Ministru sostna li inizjattivi bħal dawn huma essenzjali sabiex l-ebda tifel jew tifla ma jitħalla jaqa' lura.

Il-Prim Ministru temm billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-settur edukattiv, filwaqt li jibqa' jisma' u jikkonsulta mal-edukaturi u mar-rappreżentanti tagħhom, sabiex l-edukazzjoni tkompli tkun mezz effettiv ta' progress, inklużjoni u mobbiltà soċjali. ​​

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll il-Ministri Julia Farrugia, Byron Camilleri, Clifton Grima u Rosianne Cutajar, kif ukoll id-Deputati Romilda Zarb, Fleur Abela u Mariah Meli.

​