gov.mt

PR261677

PR261677

09/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ġdid ta’ €1.5 miljun f’Ta’ Qali Crafts Village

Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għaċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ ta' Takali Brewing Company. Birrerija indipendenti ġdida f'Ta' Qali Crafts Village li hija riżultat ta' investiment ta' €1.5 miljun.

Il-kumpanija, immexxija minn Matthew u Francesca Buttigieg, qed tinvesti fil-produzzjoni lokali ta' birra artiġjanali, b'enfasi fuq il-kwalità, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti b'identità Maltija. Hekk kif il-proġett u l-linja ta' prodotti se jkomplu jiżviluppaw huwa mistenni li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u ta' kwalità.

L-investiment kien megħjun ukoll permezz tal-Business Development Scheme tal-Malta Enterprise, bħala parti mill-appoġġ li qed jingħata lil dawk li jagħżlu li jinvestu f'attività ekonomika b'valur miżjud.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Prim Ministru qal li dan il-proġett jirrifletti d-direzzjoni ekonomika li l-Gvern irid ikompli jsaħħaħ fis-snin li ġejjin. “Dan huwa eżattament it-tip ta' investiment li rridu nkomplu naraw f'pajjiżna. Investiment ta' kwalità, mibni fuq il-kreattività, il-ħila, l-innovazzjoni u prodott b'identità distinta," qal il-Prim Ministru.

Dr Abela sostna li l-Gvern irid ikompli jkun ta' spalla għal dawk l-imprendituri li jkollhom idea, jemmnu fiha u jkunu lesti jinvestu biex jibdluha f'realtà.

Huwa rrimarka wkoll li l-għażla tat-Ta' Qali Crafts Village bħala d-dar ta' dan l-investiment hija waħda sinifikanti, hekk kif dan il-post għandu jkompli jiżviluppa bħala ċentru għall-kreattività, is-sengħa u prodotti lokali b'karattru distint.

Takali Brewing Company qed tiżviluppa firxa ta' birer fosthom lagers, pale ales, IPAs u sour beers. Il-prodotti żviluppati s'issa jinkludu birra bil-bajtar tax-xewk, lager bil-lime u melħ mix-Xwejni f'Għawdex, kif ukoll sour beer bit-togħma tal-ġelat tal-frawli.

Il-kumpanija għandha wkoll l-għan li toħloq esperjenza usa' għall-viżitaturi permezz tat-taproom u l-beer garden tagħha, filwaqt li qed tintroduċi prattiċi sostenibbli fosthom l-użu mill-ġdid ta' prodotti sekondarji mill-proċess tal-produzzjoni u investiment f'sistema fotovoltajka.​​

Jakkumpanja lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.

​