Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li ntemmu x-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fil-Wied tal-Imġarr, bil-għan li tittejjeb il-mogħdija tal-ilma tax-xita, jitnaqqas ir-riskju ta' għargħar waqt xita qawwija u jkunu mħarsa l-ambjent naturali u l-artijiet tal-madwar.
Il-ħidma kienet tinvolvi t-tneħħija ta' veġetazzjoni invażiva minn żona ta' 9,000 metru kwadru, kif ukoll it-tneħħija ta' aktar minn 36,000 metru kubu ta' skart u terrapien li kienu akkumulaw fil-wied u kienu qed ifixklu l-fluss naturali tal-ilma.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dawn ix-xogħlijiet huma parti mill-impenn tal-Ministeru biex ikompli jtejjeb l-immaniġġjar tal-widien f'Għawdex, filwaqt li jħares l-ambjent naturali u jnaqqas ir-riskji marbuta ma' xita qawwija. Huwa spjega li “permezz ta' dawn l-interventi fil-Wied tal-Imġarr, qed nagħtu attenzjoni kemm lill-immaniġġjar aħjar tal-ilma tax-xita kif ukoll lill-ħarsien tal-ambjent naturali tagħna. It-tneħħija ta' kwantitajiet kbar ta' terrapien u skart, flimkien mal-veġetazzjoni invażiva, tgħin biex l-ilma jgħaddi b'mod aktar effiċjenti u jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għar-riġenerazzjoni tal-ħabitats naturali."
Il-permessi u l-approvazzjonijiet neċessarji nkisbu mill-awtoritajiet kompetenti inkluż l-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA fost l-oħrajn, filwaqt li kemm il-kuntrattur kif ukoll il-Project Management Team responsabbli mill-monitoraġġ tax-xogħlijiet intgħażlu wara sejħiet pubbliċi għall-offerti. Il-permessi u d-dokumentazzjoni pubblika relatata mas-sejħiet għall-offerti jistgħu jiġu kkonsultati permezz tas-sistemi uffiċjali tal-awtoritajiet rispettivi.
B'dawn l-interventi, tneħħew ostakli mill-mogħdijiet tal-ilma biex dan ikun jista' jgħaddi b'mod aktar effiċjenti u tneħħew ukoll speċi aljeni invażivi. Ix-xogħlijiet kellhom ukoll l-għan li jtejbu l-kapaċità tal-wied fil-ġbir u ż-żamma tal-ilma tax-xita, filwaqt li jnaqqsu l-akkumulazzjoni tal-ilma kkawżata minn materjal li kien qed jimblokka l-mogħdijiet tiegħu.
Dawn ix-xogħlijiet jagħmlu parti minn programm usa' ta' riabilitazzjoni tal-widien Għawdxin, li minbarra l-Wied tal-Imġarr kien ikopri wkoll Wied il-Kbir, il-Wied tal-Marga, il-Wied ta' Marsalforn (Ta' Kittina), parti minn Wied ta' Xħajma, il-Wied ta' Mġarr ix-Xini u Wied l-Infern. Uħud minn dawn il-widien kienu ilhom għexieren ta' snin ma jitnaddfu. Ix-xogħlijiet għalhekk jorbtu r-riabilitazzjoni ekoloġika tal-widien mat-tħejjija għax-xitwa u mal-ħarsien tal-art agrikola u taż-żoni tal-madwar.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Ministeru se jkompli jaħdem biex isaħħaħ l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-gżira, bil-għan li Għawdex ikompli jħares il-wirt ambjentali tiegħu filwaqt li jħejji aħjar għall-isfidi klimatiċi preżenti u tal-futur.