gov.mt

PR261680

PR261680

09/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Impenn ċar biex inkomplu nwettqu l-viżjoni tal-Gvern għall-akkomodazzjoni soċjali

​

Il-Gvern jibqa' determinat li jwassal għat-tlestija tal-proġett ta' akkomodazzjoni soċjali f'Wied Ħesri, fis-Siġġiewi, li meta jitlesta se jipprovdi 189 unit residenzjali u 167 parkeġġ. Dan huwa wieħed minn proġett ieħor ta' akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna li se jagħti opportunità lil aktar familji biex ikollhom dar adegwata u dinjituża.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tad-Djar li tipproċedi bit-terminazzjoni tal-kuntratt mal-kuntrattur turi proprju s-serjetà li biha qed jiġi segwit dan il-proġett. Wara diversi twissijiet dwar in-nuqqas ta' progress fix-xogħlijiet u n-nuqqas ta' osservanza tal-obbligi kuntrattwali, l-Awtorità ħadet azzjoni konkreta. Dan għaliex l-iskadenzi u r-responsabbiltajiet kuntrattwali jridu jiġu rispettati, u l-ħarsien tal-fondi pubbliċi jibqa' prijorità.

Filwaqt li f'dan l-istadju jridu jiġu rispettati l-proċeduri applikabbli għall-kuntratti pubbliċi, inkluż il-perjodu tal-appell marbut mat-terminazzjoni ta' dan it-tender, l-Awtorità tad-Djar diġà bdiet tħejji t-triq 'il quddiem biex il-proġett jiġi komplut. 

Fl-istess waqt, il-Gvern u l-Awtorità jibqgħu miftuħa għad-djalogu dwar kif jista' jittejjeb dan il-proġett. Diġà saret laqgħa mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, u se nkomplu nisimgħu l-fehmiet tar-residenti u tal-komunitajiet tal-madwar.​

L-impenn jibqa' li dan il-proġett ta' Akkomodazzjoni Soċjali jitwassal għat-tlestija b'governanza b'saħħitha, responsabbiltà u standards ta' kwalità, filwaqt li l-ħtiġijiet tal-familji u tal-komunità jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna.

​