gov.mt

pr261682

PR261682

10/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Gvern investa u se jibqa’ jinvesti fis-sajjieda — il-konċessjoni tal-Hardstanding Facility tinkludi salvagwardji ċari għall-komunità tas-sajd

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel jinnota l-istqarrija tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u jsostni li t-tħassib tal-Kunsill dwar il-prijorità tas-sajjieda u ż-żamma tat-tariffi huwa fil-fatt indirizzat direttament fid-dokument.

Qabel il-pubblikazzjoni tal-RFP għall-Hardstanding Facility f’Marsaxlokk, il-Ministeru wettaq ukoll konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-sajjieda u ma’ rappreżentanti tal-industrija, bil-għan li l-ħtiġijiet u r-realtajiet tas-settur jiġu kkunsidrati u riflessi fil-kundizzjonijiet tat-tender.

Il-konċessjoni bl-ebda mod ma tfisser li l-operatur futur se jkun jista’ jmexxi l-faċilità mingħajr kundizzjonijiet jew limiti. Għall-kuntrarju, it-tender jobbligah jiżgura servizz kontinwu lill-bastimenti MFA u MFB matul il-konċessjoni kollha, inkluż waqt il-fażi tal-iżvilupp, filwaqt li jiggarantixxi li s-sajjieda jingħataw il-prijorità fis-servizzi tal-faċilità.

Aktar minn hekk, it-tender jgħid espressament li t-tariffi attwali għas-sajjieda MFA u MFB għandhom jibqgħu fissi, b’reviżjoni kull tliet snin b’konsultazzjoni mal-Awtorità Kontraenti biex tiġi riflessa l-inflazzjoni.

Fl-istess ħin, il-Gvern irid jagħti ħajja ġdida lil din il-faċilità permezz ta’ investiment privat sostanzjali u ġestjoni li timmassimizza l-potenzjal tagħha. It-tender jitlob mill-inqas €3 miljun investiment fil-fażi tal-iżvilupp, flimkien ma’ investiment mill-ġdid u titjib fit-tagħmir matul il-konċessjoni.

Għalhekk, dan mhux proċess biex jitneħħa xi dritt jew servizz lis-sajjieda. Huwa proċess biex il-faċilità titjieb, tiġi modernizzata u tintuża aħjar, mingħajr ma s-sajjied Malti jitlef il-protezzjoni li għandu.

Il-Gvern dejjem kien u jibqa’ fuq in-naħa tas-sajjieda. Meta s-settur kellu bżonn l-appoġġ, il-Gvern intervjena b’għajnuna u skemi speċifiċi, kif sar ukoll dan l-aħħar permezz tal-iskema ta’ għajnuna relatata mal-fjuwil, apparti inizjattivi oħra li jiġu ppubblikati minn żmien għal żmien għas-settur.

Il-Ministeru jibqa’ impenjat favur settur tas-sajd b’saħħtu, infrastruttura moderna u investiment li jagħmel sens ekonomiku, iżda qatt għad-detriment tal-għajxien tas-sajjieda.

​

​