Fil-Budget li jmiss, il-Gvern se jħabbar li l-ħaddiema li jkunu qattgħu perjodu twil barra mix-xogħol għall-kura ta’ saħħa mentali se jibdew jirċievu sa sentejn kontribuzzjonijiet akkreditati tas-sigurtà soċjali.
Waqt konverżazzjoni nazzjonali fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, li fetħet it-tieni edizzjoni tal-festival Nitkellem, Dr Lydia Abela qalet li din id-deċiżjoni se twettaq miżura tal-manifest elettorali tal-Gvern u se tgħin biex ma jiġux ippenalizzati ħaddiema talli jkunu fittxew l-għajnuna.
Fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, din il-konverżazzjoni nazzjonali dwar is-saħħa mentali u l-post tax-xogħol kellha l-parteċipazzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Daniela Calleja Bitar, l-ekonomista Dr Gordon Cordina u l-psikoterapista Claire Borg.
Intervjenew ukoll professjonisti, esperti u organiżazzjonijiet, fosthom l-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali, il-Professur Anton Grech, l-eks Segretarju Parlamentari Mario Galea, is-soċjologu Michael Briguglio, il-psikjatra tat-tfal Lorraine Azzopardi, il-preżentatur Daniel Chircop u bosta persuni oħra b’esperjenzi personali.
Lydia Abela qalet li dan il-festival joħloq xi ħaġa sempliċi imma importanti - spazju fejn in-nies titkellem. Fissret kif l-ewwel pass biex persuna tħossha aħjar huwa li ssaqsi għall-għajnuna u tesprimi ruħha mingħajr il-biża li tiġi ġġudikata.
Dwar it-tema diskussa, Dr Abela saħqet li l-impjieg huwa parti pożittiva ħafna ta’ dak li aħna. Itina s-saħħa u l-indipendenza, l-ambizzjoni u s-sodisfazzjon. Iżda xi drabi, dak l-istess ambjent jista’ joħloq ukoll sigħat twal, pressjoni u diffikultajiet biex jintlaħaq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
Mart il-Prim Ministru qalet li pajjiżna għandu qasam tax-xogħol qed jimxi ‘l quddiem, b’diversi kumpaniji li qed idaħħlu miżuri li jistgħu jidhru żgħar u sempliċi, iżda li juru kemm il-wellbeing jista’ jiddaħħal fil-mod ta’ kif norganizzaw ix-xogħol.
Dr Abela qalet li l-attitudni xierqa lejn il-karriera, is-suċċess u l-pressjoni tibda minn età żgħira. Jekk irridu li l-ġenerazzjoni li jmiss tidħol f’dinja tax-xogħol b’aspettattivi iktar sani, irridu nibdew nippreparawhom minn issa.
Hawnhekk, mart il-Prim Ministru ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tniedi pjattaforma ġdida li toffri spalla għal min għandu bżonnha.
“L-ewwel proġett ta’ din il-pjattaforma ġdida se jkun propju ddedikat għall-appoġġ lejn iż-żgħażagħ. Mal-Fondazzjoni Richmond se nkunu qed niżviluppaw inizjattiva li twieġeb għal ħtiġijiet tal-addoloxxenti u l-familji tagħhom”, qalet Dr Abela.
Lydia Abela qalet li, flimkien mal-esperti f’pajjiżna u mas-servizzi eżistenti tal-Gvern, dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ l-għajnuna t-tajba fil-ħin it-tajjeb għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, speċjalment dawk bi bżonnijiet iktar kumplessi.
Il-fondi kollha mill-festival Nitkellem se jmorru għal bidu ta’ din l-inizjattiva.
Minn naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, qal li filwaqt li l-investiment fil-professjonisti tagħna, fis-servizzi u fl-infrastruttura marbuta mas-saħħa mentali għandu jkompli jissaħħaħ, inizjattivi bħall-festival Nitkellem huma daqstant importanti.
Fissirhom bħala opportunità biex nitkellmu aktar apertament, nifhmu aħjar lil xulxin u, fuq kollox, inkomplu nkissru l-istigma marbuta mas-saħħa mentali.