gov.mt

pr261684

PR261684

10/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA għal laqgħa ta’ konsultazzjoni qabel il-Budget 2027

​


Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jkompli jattira investiment ta’ kwalità li jiġġenera impjiegi sostenibbli, filwaqt li jissaħħu l-kompetittività ekonomika u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Huwa qal dan waqt laqgħa konsultattiva ta’ qabel il-Budget 2027 mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), fil-Berġa ta’ Kastilja.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru nnota li Malta tinsab f’pożizzjoni ekonomika b’saħħitha, minkejja l-isfidi u l-inċertezzi li qed jiddominaw ix-xena internazzjonali. Huwa sostna li, filwaqt li f’diversi pajjiżi qed tikber l-inċertezza ekonomika, Malta qed tkompli tgawdi minn klima ta’ stabbiltà li tagħti serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji. F’dan il-kuntest, tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli joffri l-appoġġ meħtieġ lill-poplu u lin-negozji, filwaqt li jindirizza r-realtajiet li jġib miegħu suċċess ekonomiku. 

Dr Abela enfasizza li x-xogħol jibqa’ pilastru ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. F’dan ir-rigward, għamel referenza għall-konferenza internazzjonali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC), li qed issir f’Malta, bħala opportunità oħra biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-viżibbiltà tiegħu fuq livell internazzjonali, kif ukoll jattira investiment ta’ kwalità. 

Huwa sostna li l-Gvern se jkompli jwitti t-triq għal aktar investiment ta’ kwalità li joħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u jikkontribwixxi għal ekonomija aktar sostenibbli u kompetittiva.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ akkumpanjat minn suq tax-xogħol b’saħħtu u ġust. F’dan il-kuntest, saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jassigura kundizzjonijiet ġusti kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem.

Huwa spjega wkoll li dawn il-prijoritajiet iridu jimxu id f’id ma’ investiment kontinwu fil-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema f’dinja li kontinwament qed tevolvi.

Il-Prim Ministru rringrazzja lir-rappreżentanti tal-MEA għall-ħidma tagħhom u għall-proposti ppreżentati.  

Huwa tenna l-importanza tad-djalogu kontinwu bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali sabiex jittieħdu deċiżjonijiet li jkomplu jsaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna, joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità u jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu kollu. 

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru waqt din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Jonathan Attard, Alison Zerafa Civelli u Keith Azzopardi Tanti, flimkien mad-Deputati Naomi Cachia, u Ramona Attard. 


​