gov.mt

pr261686

PR261686

10/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Malta tilqa’ l-Kampjonati tal-Karate tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2026

Il-Ministru Byron Camilleri jistieden lill-atleti jgħixu l-valuri tal-Karate u l-isport
 
Malta qed tospita l-Kampjonati tal-Karate tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa 2026, li qed ilaqqgħu f’pajjiżna atleti, kowċis u uffiċjali minn diversi pajjiżi Ewropej. Dawn il-kampjonati qed isiru f’sena importanti għall-karate Malti, hekk kif din is-sena jaħbat l-40 anniversarju mill-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Kampjonati Ewropej tal-Karate.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri fetaħ uffiċjalment il-kampjonati waqt ċerimonja li għaliha attendew atleti, rappreżentanti tal-pajjiżi parteċipanti u uffiċjali sportivi. Iċ-ċerimonja kienet tinkludi parata tal-atleti bil-bnadar nazzjonali tagħhom, kif ukoll wirja mill-ġinnasti ta’ SportMalta bħala parti mill-inizjattiva ‘Let’s Move Malta’.

“Erbgħin sena ilu, Malta ħadet sehem għall-ewwel darba fil-Kampjonati Ewropej tal-Karate b’tim ta’ tliet atleti biss. Illum, erba’ deċennji wara, għandna l-opportunità nilqgħu f’pajjiżna atleti minn stati Ewropej żgħar għal dawn il-kampjonati. Warajna għandna snin ta’ ħidma minn ġenerazzjonijiet ta’ atleti, kowċis, uffiċjali u voluntiera li taw il-kontribut tagħhom biex dan l-isport ikompli jikber f’Malta. Dawn il-kampjonati huma opportunità importanti għall-atleti Maltin biex jikkompetu fuq livell internazzjonali, jiksbu esperjenza u jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Fl-istess waqt, irridu li avvenimenti bħal dawn ikomplu jħeġġu aktar tfal u żgħażagħ jersqu lejn l-isport, għaliex il-karate mhux biss jgħallem kif tikkompeti, iżda wkoll id-dixxiplina, ir-rispett, il-perseveranza u l-kunfidenza fik innifsek,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru saħaq li l-importanza ta’ dawn il-kampjonati tmur lil hinn mir-riżultati sportivi u l-midalji. Għall-atleti Maltin, din hija opportunità biex jikkompetu ma’ atleti minn pajjiżi oħra, filwaqt li t-tfal u ż-żgħażagħ li jipprattikaw il-karate jistgħu jaraw mill-qrib x’hemm bżonn biex wieħed jasal jikkompeti fuq livell internazzjonali. Huwa stieden lil dawn l-atleti sabiex mhux biss jipprattikaw l-isport u l-karate imma jgħixu l-valuri tal-isport.

L-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati hija wkoll okkażjoni biex titfakkar il-mixja tal-karate f’Malta. Fl-1986, tim nazzjonali magħmul minn tliet atleti rrappreżenta lil pajjiżna fil-Kampjonati Ewropej li saru f’Madrid. Minn dak iż-żmien, il-karate Malti kompla jikber u llum il-Federazzjoni Maltija tal-Karate għandha disa’ klabbs affiljati magħha.

Kenneth Abela, President fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Karate, qal, “Huwa unur kbir għall-Federazzjoni Maltija tal-Karate li qed nospitaw dawn il-Kampjonati tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa. Dan mhuwiex biss avveniment sportiv, iżda opportunità biex inġibu flimkien atleti minn pajjiżi differenti, naqsmu l-esperjenzi tagħna u nkomplu niżviluppaw il-karate f’Malta. Għall-atleti, il-kowċis u l-voluntiera tagħna, din hija esperjenza li se tħalli wirt għall-futur. Nixtiequ wkoll li l-mistednin kollha tagħna jgawdu kemm il-kompetizzjoni kif ukoll l-ospitalità Maltija.”

Il-President tal-Federazzjoni tal-Karate tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa (SSEKF), Katherine Broder, qalet, “Ninsabu kuntenti u kburin ħafna li erġajna lura Malta wara għaxar snin għal dawn il-kampjonati. Il-Federazzjoni twaqqfet 12-il sena ilu u Malta kienet membru tagħha sa mill-bidu nett. Tul dawn is-snin, flimkien bnejna pjattaforma li tat opportunitajiet lill-atleti tagħna biex jikkompetu, jiżviluppaw u jsaħħu r-rabtiet bejniethom bħala parti mill-familja tal-karate. Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li nerġgħu nkunu f’Malta u nirringrazzjaw lill-Federazzjoni Maltija tal-Karate tal-ospitalità tagħha. Nittamaw li jkollna l-opportunità nerġgħu niġu Malta fil-futur qarib.”

Lil hinn mill-kompetizzjoni, l-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati qed tagħti opportunità lill-kowċis, lill-uffiċjali u lill-voluntiera Maltin biex jiksbu esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali. Din l-esperjenza tista’ tgħin lill-Federazzjoni Maltija tal-Karate tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha u toħloq aktar opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ dan l-isport f’Malta.

Il-kampjonati qed iservu wkoll biex isaħħu r-relazzjonijiet sportivi bejn il-pajjiżi parteċipanti. Minkejja d-daqs żgħir tagħhom, dawn il-pajjiżi jaqsmu l-istess ambizzjoni li jagħtu lill-atleti tagħhom opportunitajiet biex jikkompetu, jiżviluppaw u jirrappreżentaw lil pajjiżhom fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Federazzjoni Maltija tal-Karate għall-ħidma tagħha fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati, kif ukoll lil SportMalta, lill-Kumitat Olimpiku Malti, lil VisitMalta u lill-imsieħba kollha li taw il-kontribut tagħhom biex dan l-avveniment ikun jista’ jsir f’pajjiżna.

Huwa awgura lill-atleti kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom u ħeġġiġhom jikkompetu b’determinazzjoni, kuraġġ u rispett lejn xulxin, filwaqt li jkomplu jħaddnu l-valuri sportivi li jgħaqqdu lill-komunità internazzjonali tal-karate.

​​

​