Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra se jerġa' jittella l-International Kite & Wind Festival fiż-żona ta' San Dimitri, fl-Għarb, Għawdex. Dan waqt avveniment li ttella' fl-ARB Complex fejn tfal u anzjani ngħaqdu flimkien għal attività tal-Pre Kite Festival.
Din is-sena, il-Festival se jsir bejn is-16 u t-18 ta' Ottubru, u se jgħaqqad flimkien dilettanti tat-tajr u parteċipanti minn pajjiżi differenti f'ċelebrazzjoni li issa saret parti mill-kalendarju kulturali tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-International Kite and Wind Festival huwa avveniment li jgħaqqad il-kreattività, il-kultura u d-divertiment, filwaqt li joħloq opportunità biex nies ta' etajiet u minn pajjiżi differenti jiltaqgħu flimkien. Huwa kompla jgħid li “sabiħ li naraw inizjattivi bħal dawn joffru esperjenzi kemm lit-tfal kif ukoll lill-anzjani, u joħolqu spazju fejn il-familji u l-pubbliku jistgħu jgawdu mumenti ta' divertiment flimkien. Permezz ta' avvenimenti bħal dan, l-Għarb u Għawdex ikomplu joffru esperjenzi kemm għar-residenti kif ukoll għall-viżitaturi, filwaqt li jagħtu spazju lill-kreattività."
Il-festival se joffri programm ta' spettaklu bit-tajr, attivitajiet interattivi u divertiment għall-familja kollha, f'atmosfera li tħeġġeġ il-kreattività, il-parteċipazzjoni u l-laqgħat bejn kulturi differenti.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Għarb David Apap qal li bħalissa għaddejjin il-preparamenti finali u huwa mistenni li din is-sena l-Festival jkun suċċess bħalma kien fl-edizzjonijiet ta' qabel. Huwa qal li “din is-sena se nintroduċu wkoll shows ta' billejl il-Ġimgħa u s-Sibt illi jekk it-temp jippermetti ħa jkunu fl-istess żona ta' San Dimitri. Nappella lil dawk kollha li se jiġu biex jekk jista' jkun jużaw il-Park & Ride mill-parking fil-Belt Victoria kif ukoll jekk wieħed jidħol bil-vettura tiegħu jsegwi l-marshalls li jkunu qegħdin mat-toroq sabiex it-traffiku ma jeħilx u dak li jkun ma jdumx biex jidħol fuq il-post u jkun jista' jgawdi ż-żona ta' San Dimitri u l-ispettaklu tat-tajr li jkun hemm."
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lil kulħadd jattendi għall-International Kite and Wind Festival fl-Għarb u jgawdi l-programm ta' attivitajiet imħejji għal din l-okkażjoni.