L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Carmelo Abela, laqa' l-kontribuzzjoni tal-Ambaxxata tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-konservazzjoni u r-restawr ta' erba' pitturi fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Il-pitturi – Kristu jitlob fil-Ġetsemani u Kristu jġorr is-Salib, ta' Gian Nicola Buhagiar, u L-Immakulata Kunċizzjoni u Sant'Anna, attribwiti lil Karlu Gimach – jagħmlu parti mill-wirt artistiku, reliġjuż u storiku rikk ta' Malta.
L-Ispeaker esprima l-apprezzament tiegħu lill-Ambaxxata Ċiniża għal dan il-kontribut tanġibbli għall-ħarsien tal-wirt kulturali ta' Malta. Huwa faħħar lill-Ambaxxatur Ċiniż għall-inizjattivi tiegħu li, fi kliemu, juru kif il-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina tissarraf fi proġetti konkreti li jikkontribwixxu għan-nisġa soċjali u kulturali tas-soċjetà Maltija.
L-Ispeaker Abela nnota li l-knejjes ta' Malta u x-xogħlijiet tal-arti li jinsabu fihom huma parti importanti mill-identità kollettiva tal-pajjiż, u li l-ħarsien tagħhom huwa investiment fil-wirt kulturali ta' Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fid-diskors tiegħu, l-Ambaxxatur Ċiniż enfasizza l-importanza tal-ftehim bħala rifless tal-ħbiberija li ilha teżisti bejn iċ-Ċina u Malta. Filwaqt li esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi tal-Ispeaker Abela, huwa tenna l-impenn taċ-Ċina li taqsam opportunitajiet mad-dinja permezz tal-modernizzazzjoni Ċiniża, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi li jappoġġjaw il-komunitajiet lokali u l-ħarsien tal-wirt.
Rev Anton Galea Scannura, Arċipriet tal-Parroċċa taż-Żejtun, esprima l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ tal-Ambaxxata. Huwa nnota li r-restawr tal-erba' pitturi se jiżgura li dawn ix-xogħlijiet importanti jkunu jistgħu jkomplu jitgawdew u jiġu apprezzati mill-komunità u mill-ġenerazzjonijiet futuri.
L-Ispeaker irringrazzja lill-Ambaxxata Ċiniża u lill-Parroċċa taż-Żejtun għall-kooperazzjoni tagħhom biex dan il-proġett ikun possibbli, u laqa' t-tisħiħ kontinwu tal-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina permezz ta' inizjattivi kulturali u komunitarji konkreti.