gov.mt

PR261697

PR261697

13/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitnieda l-proċess ta’ reviżjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar it-tnedija tal-proċess ta' reviżjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex, tliet snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. L-għan huwa li jiġi evalwat il-progress li sar u jiġu identifikati l-prijoritajiet li għandhom ikomplu jiggwidaw l-iżvilupp tal-gżira fis-snin li ġejjin. Din ir-reviżjoni se sservi bħala opportunità biex jiġi evalwat fejn waslet il-gżira Għawdxija, x'ħadem, x'jista' jissaħħaħ u fejn hemm bżonn ta' direzzjoni ġdida biex l-istrateġija tkompli twieġeb għar-realtajiet u l-aspirazzjonijiet tal-komunità Għawdxija.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-Istrateġija għandha tibqa' dokument ħaj li kapaċi jadatta għar-realtajiet u l-opportunitajiet li jġib miegħu ż-żmien. Huwa qal li, “din ir-reviżjoni qed issir biex inħarsu 'l quddiem, iżda wkoll biex nagħrfu dak li diġà ksibna. Għawdex illum għandu direzzjoni ċara u viżjoni fit-tul, u dak li rridu nagħmlu issa huwa li nkomplu nibnu fuq dan il-progress u niżguraw li l-prijoritajiet tagħna jibqgħu jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-Għawdxin."

Il-Ministru Camilleri spjega wkoll li l-iżvilupp ta' Għawdex ma jistax jitkejjel biss f'termini ta' tkabbir ekonomiku, iżda għandu jħares ukoll lejn il-kwalità tal-ħajja, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, konnettività aħjar, ambjent aktar protett u ekonomija aktar diversifikata u reżiljenti. Huwa fakkar li l-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex 2023–2033 diġà stabbiliet viżjoni għal żvilupp li jgħaqqad il-progress ekonomiku mas-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-kwalità tal-ħajja. Din il-viżjoni qed tkompli tkun integrata mal-perspettiva ta' Għawdex fi ħdan il-Viżjoni Malta 2050.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex, Juergen Attard, spjega li, tliet snin wara l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija, wasal il-mument li ssir valutazzjoni komprensiva tal-progress li sar u tal-isfidi li għad fadal. Dan l-eżerċizzju se jevalwa mhux biss kemm ġiet implimentata l-Istrateġija, iżda wkoll kif inbidlu r-realtajiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u ta' politika matul dawn l-aħħar tliet snin. Huwa saħaq li l-proċess għandu jkun ibbażat fuq l-evidenza, billi jiġu identifikati l-oqsma fejn sar progress, dawk fejn hemm bżonn aktar ħidma, kif ukoll fejn jistgħu jkunu meħtieġa aġġustamenti għall-kumplament tal-perjodu tal-Istrateġija. Huwa żied li l-Istrateġija għandha tibqa' dokument ħaj u rilevanti, li jevolvi mar-realtajiet ta' Għawdex u jkompli jiggwida l-iżvilupp tal-gżira fis-snin li ġejjin.

Il-Ministru Camilleri sostna li Għawdex irid jiżviluppa b'mod li jirrispetta l-karattru uniku tal-gżira, il-komunitajiet, il-pajsaġġ u l-ambjent, filwaqt li joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, għall-familji u għan-negozji. Fost il-prijoritajiet li se jibqgħu fuq l-aġenda hemm it-tisħiħ tal-infrastruttura u l-konnettività, l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, it-turiżmu ta' kwalità u sostenibbli, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-agrikoltura u l-ekonomija rurali, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent u tal-identità Għawdxija.

Il-Ministeru għal Għawdex qed jara wkoll is-sostenibbiltà u r-reżiljenza klimatika bħala parti integrali mill-iżvilupp futur tal-gżira Għawdxija. Dan jinkludi investiment f'enerġija aktar nadifa, mobilità sostenibbli, riżorsi tal-ilma u infrastruttura li tkun kapaċi tlaħħaq aħjar mal-isfidi tat-tibdil fil-klima. Dan huwa wkoll konformi mal-ħidma li qed issir sabiex Għawdex ikompli miexi lejn aktar newtralità klimatika.

Il-Ministru Camilleri enfasizza li l-Istrateġija għandha tibqa' marbuta mar-realtajiet ta' kuljum tan-nies. Għaldaqstant, il-Ministeru għal Għawdex se jkompli jaħdem mal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex u mal-entitajiet involuti sabiex ir-reviżjoni twassal għal strateġija aktar b'saħħitha, b'għanijiet ċari u miżurabbli, li tkompli tagħti direzzjoni lill-gżira matul is-snin li ġejjin.​​

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-futur ta' Għawdex irid ikun wieħed li nibnu flimkien u li joffri aktar opportunitajiet, kwalità ta' ħajja u ambjent aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

​