Xjenza Malta, b'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), organizzat il-ħames Jum ta' Informazzjoni dwar il-Pjan għall-Istati Kooperattivi Ewropej (PECS), bi tħejjija għall-ħames sejħa għall-proposti ta' Malta, MT5.
L-attività, li saret fil-Planetarium tal-Esplora, laqqgħet rappreżentanti mis-settur privat, mill-komunità tar-riċerka u minn diversi organizzazzjonijiet interessati fl-opportunitajiet li qed jinħolqu fis-settur spazjali.
Il-jum ta' informazzjoni pprovda lill-applikanti prospettivi b'informazzjoni u gwida prattika dwar kif jistgħu jiżviluppaw proposti kompetittivi għas-sottomissjoni lill-ESA, filwaqt li kellhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu direttament mar-rappreżentanti tal-Aġenzija Spazjali Ewropea.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-Gvern se jkompli jaħdem biex Malta ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fis-settur spazjali u jinħolqu aktar opportunitajiet għar-riċerkaturi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet Maltin.
“Is-settur spazjali joffri opportunitajiet konkreti għar-riċerkaturi, l-istudenti u n-negozji Maltin biex ikomplu jiżviluppaw l-għarfien tagħhom u jikkompetu fuq livell Ewropew. Permezz tal-kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea u programmi bħall-PECS, qed nibnu l-kapaċitajiet meħtieġa biex aktar ideat u talent lokali jinbidlu fi proġetti ta' riċerka u innovazzjoni b'impatt reali. L-impenn tagħna huwa li nkomplu niftħu aktar bibien sabiex Malta tkun parteċipant attiv fl-ekosistema spazjali Ewropea," qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta Silvio Scerri saħaq fuq l-importanza li jinħolqu aktar opportunitajiet għall-organizzazzjonijiet Maltin biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b'mod dirett fis-settur spazjali Ewropew.
“L-ambizzjonijiet spazjali ta' Malta jiddependu fuq il-kollaborazzjoni bejn il-komunità tar-riċerka, is-settur privat u l-għarfien espert li għandna f'pajjiżna. Il-programm PECS jipprovdi opportunità importanti biex organizzazzjonijiet Maltin jittrasformaw l-ideat u l-kapaċitajiet tagħhom fi proġetti b'potenzjal internazzjonali. Is-sejħa MT5 se tkompli tgħin biex it-talent lokali jkun f'pożizzjoni li jisfrutta dawn l-opportunitajiet," qal Scerri.
Matul l-attività saret ukoll is-sessjoni Space needs what you know – How terrestrial expertise can become space-relevant, immexxija minn Dr Jennifer Ngo Anh mill-ESA. Din iffukat fuq kif għarfien, teknoloġiji u kompetenzi żviluppati f'setturi li tradizzjonalment mhumiex marbuta mal-industrija spazjali jistgħu jiġu adattati għal applikazzjonijiet u sfidi fis-settur tal-ispazju.
Dr Ngo Anh spjegat li organizzazzjoni m'għandhiex għalfejn tkun diġà attiva fis-settur spazjali biex tkun tista' tagħti kontribut f'dan il-qasam.
“L-għarfien espert żviluppat f'setturi li jmorru lil hinn mill-industrija spazjali tradizzjonali jista' jgħin biex jiġu indirizzati sfidi reali fis-settur spazjali. Il-programm PECS tal-ESA joħloq din il-konnessjoni billi joffri opportunità lill-organizzazzjonijiet biex jieħdu l-għarfien li diġà għandhom u jesploraw kif dan jista' joħloq valur fis-settur spazjali," qalet Dr Ngo Anh.
Matul il-Jum ta' Informazzjoni, rappreżentanti tal-ESA taw aktar tagħrif dwar is-sejħa MT5, qasmu esperjenzi minn sejħiet preċedenti u taw pariri prattiċi dwar kif jistgħu jissaħħu l-proposti. Benefiċjarji preċedenti tal-programm PECS qasmu wkoll l-esperjenzi tagħhom fl-implimentazzjoni ta' proġetti taħt dan il-programm.
L-attività ntemmet b'laqgħat individwali bejn applikanti prospettivi u rappreżentanti tal-ESA, li matulhom setgħu jiġu diskussi ideat għal proġetti u l-potenzjal tagħhom taħt il-programm PECS.
Sal-ewwel kwart tal-2026, Malta kellha 12-il kuntratt operattiv taħt il-PECS f'oqsma bħall-Osservazzjoni tad-Dinja, it-Telekomunikazzjoni, it-Teknoloġiji Ġenerali, l-Edukazzjoni u x-Xjenza.
Permezz ta' inizjattivi bħal dawn, Xjenza Malta qed tkompli tappoġġa lill-komunità lokali biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha, tiżviluppa proġetti ġodda u tisfrutta aktar opportunitajiet fi ħdan l-ekosistema spazjali Ewropea.