Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-istabbiltà ekonomika li Malta qed tkompli toffri hija essenzjali biex aktar negozji jkollhom il-fiduċja jinvestu, jikbru u joħolqu opportunitajiet ta' kwalità għall-ħaddiema u l-familji.
Huwa qal dan waqt it-tnedija tal-Grupp Eterna, identità korporattiva ġdida li qed tiġbor flimkien numru ta' kumpaniji Maltin stabbiliti, li joperaw fil-produzzjoni tal-ikel, il-catering, is-saħħa u l-kura fil-komunità.
Il-Grupp, li beda fl-1989 bħala negozju żgħir tal-familja, illum żviluppa f'organizzazzjoni li tħaddem madwar 6,600 persuna, jopera f'diversi setturi essenzjali u għandu wkoll preżenza li dejjem qed tikber fis-swieq internazzjonali.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-iżvilupp ta' Eterna huwa eżempju ta' kif negozju Malti jista' jikber b'mod sostenibbli permezz ta' investiment kontinwu, innovazzjoni u fiduċja fil-ħaddiema tiegħu.
“Irridu li Malta tibqa' pajjiż fejn fih jagħmel sens li tinvesti, tikber u tippjana għat-tul. L-għan tagħna mhuwiex sempliċiment aktar investiment, iżda investiment ta' kwalità u investiment li joħloq impjiegi aħjar, isaħħaħ il-produttività u jħalli aktar valur fl-ekonomija tagħna," qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru nnota li Eterna Group kompla jinvesti sostanzjalment fl-operat tiegħu, fosthom permezz ta' investiment ta' aktar minn €50 miljun f'The Food Factory f'Bulebel. Dr Abela qal li dan it-tip ta' investiment jirnexxi meta jkun hemm ambjent ekonomiku stabbli u li fih tista' tippjana fit-tul. F'dan il-kuntest, huwa rrefera għall-politika tal-Gvern li jkompli jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil.
“Is-sussidji ma jagħtux biss serħan il-moħħ lill-familji, iżda jagħtu wkoll aktar ċertezza lin-negozji dwar l-ispejjeż tagħhom. Dik iċ-ċertezza tfisser aktar fiduċja biex wieħed jinvesti, joħloq ix-xogħol u jħares lejn il-futur b'aktar ambizzjoni," qal il-Prim Ministru.
Huwa żied li l-kapitlu li jmiss tal-ekonomija Maltija jrid ikun wieħed li jagħti prijorità mhux biss lit-tkabbir, iżda lill-kwalità ta' dak it-tkabbir, permezz ta' aktar produttività, teknoloġija, ħiliet u valur miżjud.
Il-Prim Ministru temm billi awgura lit-tim kollu ta' Eterna Group, filwaqt li qal li l-istorja tagħhom turi kif investiment Malti li jibqa' jevolvi jista' joħloq eluf ta' opportunitajiet u jkompli jsaħħaħ l-ekonomija ta' pajjiżna.