Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel u ċ-Centre International de Hautes Études Agronomiques Méditerranéennes (CIHEAM Bari) iffirmaw ftehim ġdid li jsaħħaħ u jestendi l-kollaborazzjoni strateġika bejn iż-żewġ entitajiet wara ħames snin ta' suċċess u riżultati tanġibbli. L-iffirmar tal-ftehim sar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo u mid-Direttur ta' CIHEAM Bari Biagio Di Terlizzi.
Dan il-ftehim il-ġdid jibni fuq relazzjoni b'saħħitha li matul dawn l-aħħar snin wasslet għal numru ta' inizjattivi li ħallew impatt pożittiv fuq is-settur agrikolu Malti. Permezz ta' din il-kollaborazzjoni, diversi persuni fis-settur ibbenefikaw minn programmi ta' taħriġ, korsijiet speċjalizzati u opportunitajiet ta' taħriġ fl-Italja, filwaqt li ngħatat assistenza teknika u appoġġ strateġiku f'oqsma ta' importanza nazzjonali għall-iżvilupp tal-agrikoltura.
Matul il-perjodu kopert mill-ftehim preċedenti, il-kollaborazzjoni bejn Malta u CIHEAM Bari kkontribwiet għat-tisħiħ tal-kapaċità professjonali tal-bdiewa, il-bini ta' għarfien tekniku fost l-operaturi tas-settur u l-appoġġ għall-iżvilupp ta' inizjattivi u servizzi relatati mal-agrikoltura sostenibbli.
Permezz ta' dan il-ftehim il-ġdid, Malta se tkompli tibbenefika mill-esperjenza vasta u min-networks internazzjonali ta' CIHEAM Bari, filwaqt li jkollha aċċess għal għarfien xjentifiku avvanzat, l-aħħar żviluppi fit-teknoloġiji agrikoli u opportunitajiet ġodda għall-iskambju tal-għarfien u d-disseminazzjoni tar-riċerka.
Il-Ministru Anton Refalo stqarr li l-estensjoni ta' dan il-ftehim tikkonferma l-impenn komuni li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ entitajiet u li jiġu esplorati opportunitajiet ġodda ta' kollaborazzjoni għall-benefiċċju tas-settur agrikolu Malti. Tenna li din is-sħubija qed tikber minn sena għal oħra u hija xhieda tal-fiduċja reċiproka u tal-valur li ż-żewġ naħat isibu fil-ħidma konġunta.
“Il-kollaborazzjoni ma' CIHEAM Bari tirrappreżenta investiment fit-tul fil-bini tal-kapaċità tas-settur u fil-kompetittività tal-agrikoltura Maltija. F'kuntest fejn is-settur qed jaffaċċja realtajiet ġodda relatati mat-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-ħtieġa għal innovazzjoni kontinwa, is-sħubija ma' istituzzjoni ta' reputazzjoni internazzjonali bħal CIHEAM Bari hija ta' importanza strateġika," sostna l-Ministru Refalo.
Dan il-ftehim il-ġdid jikkonferma r-rieda ta' Malta u CIHEAM Bari li jkomplu jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw agrikoltura aktar innovattiva, sostenibbli u reżiljenti, filwaqt li jipprovdu opportunitajiet ġodda ta' tagħlim, taħriġ u żvilupp għall-komunità agrikola Maltija.