Permezz ta' dan il-proġett qed jinbnew 28 appartament ġdid u 14-il parkeġġ
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq proġett ġdid ta' akkomodazzjoni soċjali fil-Qrendi, li permezz tiegħu se jkunu qed jinbnew 28 appartament ġdid u 14-il parkeġġ, biex aktar familji jkollhom l-opportunità li jgħixu f'dar li toffrilhom sigurtà u stabbiltà.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonnici segwa l-progress tax-xogħlijiet, li jagħmlu parti mill-ħidma kontinwa biex tissaħħaħ l-akkomodazzjoni soċjali f'pajjiżna u jingħata appoġġ konkret lil dawk li l-aktar jeħtiġuh.
“L-akkomodazzjoni soċjali hija dwar in-nies u l-familji tagħhom. Hija dwar li nagħtu ċ-ċans lil aktar persuni jkollhom post tagħhom fejn jgħixu b'dinjità, b'serħan il-moħħ u b'aktar ċertezza għal għada. Permezz ta' dan il-proġett fil-Qrendi, qed inkomplu ninvestu f'akkomodazzjoni li twieġeb għall-ħtiġijiet tan-nies u li tista' tagħmel differenza vera fil-ħajja tagħhom," qal il-Ministru Owen Bonnici.
Il-proġett jirrappreżenta investiment ta' madwar €7.6 miljun u se jinkludi appartamenti ta' kamra tas-sodda waħda, żewġ kmamar tas-sodda u tliet kmamar tas-sodda, biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-ħtiġijiet ta' familji differenti.
Preżenti għaż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Malita Marlene Attard, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, kif ukoll is-Sindku tal-Qrendi David Schembri flimkien ma' membri tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi.