It-tieni jum taż-żjara fil-Libja tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield kompla b’laqgħat pożittivi mmirati biex jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà u l-immigrazzjoni irregolari.
Wara l-laqgħa mal-Ministru Libjan għall-Intern, Emad Al-Trabelsi, il-Ministru Bedingfield kellu wkoll laqgħat mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah, fejn ġew diskussi temi ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi.
Fost is-suġġetti ewlenin kien hemm l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koperazzjoni biex din tiġi indirizzata qabel persuni li jkunu qed jagħmlu dan il-vjaġġ perikoluż jaslu fix-xtut Ewropej, inklużi dawk Maltin.
Ġie enfasizzat li din l-isfida teħtieġ ħidma koordinata bejn il-pajjiżi ta’ tranżitu u l-pajjiżi Ewropej, kif ukoll azzjoni aktar effettiva kontra n-networks tat-traffikar tal-bnedmin.
Matul id-diskussjonijiet ġew indirizzati wkoll it-talbiet li qed tagħmel il-Libja lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-immigrazzjoni. Malta temmen li dawn it-talbiet għandhom jiġu mismugħa u diskussi bis-serjetà, sabiex tinstab soluzzjoni komuni li tirrikonoxxi r-rwol tal-Libja u ssaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran.
Il-Ministru Bedingfield qal li l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari ma tistax tiġi indirizzata minn pajjiż wieħed waħdu, iżda teħtieġ djalogu kontinwu, responsabbiltà kondiviża u azzjoni konkreta.
“Il-Libja għandha rwol strateġiku importanti għal Malta u għall-Ewropa kollha. Għalhekk, nemmen li rridu nkomplu nibnu fuq il-koperazzjoni eżistenti, nisimgħu t-tħassib ta’ xulxin u naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-immigrazzjoni irregolari qabel ma din tasal fix-xtut Ewropej. Huwa permezz ta’ djalogu serju u koperazzjoni konkreta li nistgħu niksbu riżultati li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi,” qal il-Ministru Bedingfield.
Il-Ministru tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-Libja u ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun, filwaqt li tippromwovi koperazzjoni li twassal għal riżultati konkreti fil-qasam tas-sigurtà, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u fl-indirizzar tal-immigrazzjoni irregolari.