Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Deo Debattista indirizza l-41 edizzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tal-European Partnership for Supervisory Organisations in Health Services and Social Care (EPSO), li ttellgħet f'Singapore, b'kollaborazzjoni man-network tar-regolaturi tar-reġjun tal-Asja-Paċifiku (APAC).
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fetaħ it-tieni jum tal-konferenza, bit-tema People, Partnership and Leadership in a Regulatory Setting, u matul l-intervent tiegħu enfasizza l-importanza tat-tmexxija, il-kollaborazzjoni u l-ħtieġa li l-persuna tibqa' fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura.
Dr Debattista sostna li l-anzjanità m'għandhiex titqies biss bħala sfida għas-sistemi tas-saħħa, iżda wkoll bħala wieħed mill-akbar kisbiet tas-soċjetà. Huwa spjega li llum mhux biżżejjed li wieħed ikejjel kemm il-persuni qed jgħixu fit-tul, iżda huwa daqstant importanti li tingħata prijorità lill-kwalità tal-ħajja tagħhom.
F'dan il-kuntest, għamel referenza għall-ħidma li qed titwettaq f'Malta fil-qasam tal-Anzjanità Attiva, fosthom permezz ta' inizjattivi fil-komunità, servizzi ta' telecare, għajnuna fid-djar u programmi li jħeġġu l-parteċipazzjoni soċjali. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li l-persuni anzjani jibqgħu jgħixu b'mod indipendenti, attiv u b'dinjità, filwaqt li jkomplu jagħtu l-kontribut tagħhom lis-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-kwalità tas-servizzi m'għandhiex titkejjel biss permezz tal-istandards u l-ispezzjonijiet, iżda wkoll mill-esperjenza tal-persuni li jagħmlu użu minnhom. Huwa sostna li sistema regolatorja effettiva għandha mhux biss tassigura s-sigurtà u l-konformità, iżda wkoll tippromwovi l-indipendenza, ir-rispett u l-benesseri tal-individwu.
Filwaqt li rrefera għall-esperjenza professjonali tiegħu bħala tabib tal-familja għal kważi erba' deċennji, Dr Debattista enfasizza li l-aqwa riżultati fil-kura jinkisbu permezz ta' kollaborazzjoni bejn il-pazjenti, il-familji tagħhom, il-professjonisti tas-saħħa, dawk li jipprovdu l-kura u l-awtoritajiet regolatorji.
Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-edukazzjoni kontinwa u t-taħriġ tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura, filwaqt li saħaq li kultura ta' kwalità trid tinbena permezz tal-għarfien, ir-responsabbiltà u l-impenn ta' dawk kollha involuti.
Is-Segretarju Parlamentari rrefera wkoll għall-opportunitajiet li qed iġibu magħhom l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji diġitali u l-avvanzi fil-mediċina. Madankollu, huwa enfasizza li minkejja dawn l-iżviluppi, il-ġudizzju uman, l-empatija u r-relazzjoni bejn il-professjonist u l-pazjent għandhom jibqgħu fundamentali. “It-teknoloġija tista' tgħinna nieħdu deċiżjonijiet aħjar, iżda qatt ma tista' tieħu post il-ġudizzju uman. Irridu nassiguraw li kull innovazzjoni tkun għas-servizz tal-persuna u twassal għal kwalità ta' ħajja aħjar," sostna Dr Debattista.
Huwa temm l-intervent tiegħu billi tenna li l-futur tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura għandu jinbena fuq sħubijiet b'saħħithom, tmexxija responsabbli u sistemi regolatorji li jpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni.
Il-konferenza EPSO tlaqqa' flimkien rappreżentanti ta' awtoritajiet regolatorji, esperti u professjonisti minn diversi pajjiżi sabiex jaqsmu esperjenzi u prattiki tajbin dwar l-innovazzjoni, il-prevenzjoni, it-tmexxija u t-titjib tal-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali.