gov.mt

PR261729

PR261729

16/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Sħubijiet aktar b’saħħithom fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin

​

Il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni u kollaborazzjoni kienet fiċ-ċentru tal-Konferenza Annwali Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2026, organizzata taħt it-tema “Responsabbiltà Komuni: Insaħħu s-Sħubijiet biex Niġġieldu t-Traffikar tal-Bnedmin."  

L-attività laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Gvern, tas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi, tas-soċjetà ċivili, tal-akkademja, tas-settur privat u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-prevenzjoni tal-isfruttament, l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u l-ħtieġa li jingħataw protezzjoni, appoġġ u aċċess effettiv għall-ġustizzja. 

Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, saħqet li t-traffikar tal-bnedmin jibqa' wieħed mill-aktar ksur serju tad-drittijiet fundamentali. Hija qalet li wara kull statistika hemm persuna li tkun ġiet imċaħħda mid-dinjità, mil-libertà u mid-drittijiet tagħha, u għalhekk ir-rispons għandu jkun iċċentrat fuq il-vittma, infurmat mit-trawma u msejjes fuq il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. 

Il-Ministru spjegat li l-metodi tat-traffikanti qed ikomplu jevolvu, b'mod partikolari permezz ta' offerti ta' xogħol qarrieqa, reklami online u wegħdiet ta' opportunitajiet finanzjarji. Hija sostniet li r-rispons għal dawn ir-realtajiet irid ikun innovattiv u koordinat, permezz ta' prevenzjoni aktar b'saħħitha, aktar għarfien pubbliku, identifikazzjoni bikrija u protezzjoni effettiva tal-vittmi, kif ukoll kooperazzjoni eqreb bejn l-entitajiet governattivi, l-infurzar tal-liġi, is-soċjetà ċivili u s-settur privat. 

Hija rreferiet ukoll għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2024–2030, li jiġbru flimkien lill-entitajiet governattivi, lis-servizzi soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lis-sħab internazzjonali u lis-settur privat taħt viżjoni komuni. Il-Ministru qalet li Malta kkonkludiet l-ewwel ċiklu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Istrateġija, sabiex jitkejjel il-progress u jiġu identifikati l-oqsma fejn hija meħtieġa aktar azzjoni. Semmiet ukoll il-ħidma tal-gruppi tematiċi speċjalizzati dwar l-edukazzjoni u t-traffikar tat-tfal, l-appoġġ lill-vittmi, kif ukoll il-ġustizzja kriminali u r-riforma leġiżlattiva. 

Il-Ministru Cutajar ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ser jipproponi emendi għall-Kodiċi Kriminali u għall-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità, sabiex tiġi trasposta d-Direttiva (UE) 2024/1712 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Hija spjegat li l-emendi proposti ser isaħħu l-qafas domestiku permezz tar-rikonoxximent ta' forom ġodda ta' traffikar, it-twaqqif ta' mekkaniżmi ġodda għal koordinazzjoni aħjar, kif ukoll it-tisħiħ tal-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi. 

B'referenza għall-Kampanja Blue Heart, il-Ministru enfasizzat li t-traffikar jista' jinħeba f'postijiet ordinarji u f'interazzjonijiet ta' kuljum, fosthom permezz ta' reklutaġġ qarrieqi, abbuż ta' vulnerabbiltà, manipulazzjoni jew koerċizzjoni. Hija temmet billi saħqet li l-vittmi mhumiex statistika, iżda persuni li d-drittijiet tagħhom inkisru u li d-dinjità tagħhom trid tiġi rrestawrata permezz ta' sistemi li jgħinuhom jerġgħu jibnu ħajjithom. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, qal li s-servizz fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), li jassisti lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, ħadem ma' 38 persuna bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena. 

“It-traffikar tal-bnedmin jibqa' theddida serja u m'għandu qatt jiġi aċċettat. Wara kull numru hemm bniedem li jitlef id-dinjità, il-libertà u l-futur tiegħu. Għaldaqstant, għandna nkomplu nsaħħu l-qafas legali, inħaffu l-identifikazzjoni tal-vittmi, u nassiguraw li l-vittmi jirċievu protezzjoni, kenn u appoġġ psikoloġiku mingħajr dewmien," stqarr il-Ministru Falzon. 

Matul il-konferenza ġew ippreżentati l-ħidma tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Proġett IOM-Bolt. Saret ukoll diskussjoni bejn rappreżentanti tas-settur privat, l-Università ta' Malta, Aġenzija Appoġġ, JRS Malta u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, segwita minn workshop prattiku.  ​​

Il-konferenza għalqet b'appell għal impenn kontinwu favur strutturi aktar b'saħħithom u protezzjoni effettiva tal-persuni vulnerabbli. 

​