gov.mt

PR261746

PR261746

19/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI ​Il-Ministru Rosianne Cutajar tisħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jagħrfu u japprezzaw ir-relazzjonijiet sani mibnija fuq ir-rispett reċiproku u jidentifikaw is-sinjali ta' mġiba abbużiva


​Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar saħqet fuq l-importanza li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jagħrfu u japprezzaw ir-relazzjonijiet sani msejsa fuq ir-rispett reċiproku, jidentifikaw is-sinjali ta' mġiba abbużiva u jkunu jafu fejn jistgħu jfittxu l-għajnuna.

 

Il-Ministru Cutajar kienet qed titkellem waqt il-konferenza 'Red Flags, Real Talk', organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa u mmirata lejn żgħażagħ bejn il-15 u t-18-il sena. Il-konferenza hija parti mill-programm 'Together We Empower', iffinanzjat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili.

 

Madwar 125 student minn diversi skejjel ħadu sehem f'diskussjonijiet u workshops interattivi dwar ir-relazzjonijiet, dwar kif wieħed jagħraf l-ewwel sinjali ta' mġiba abbużiva u dwar kif wieħed ifittex l-għajnuna meta jkun hemm bżonn.

 

“Li titgħallem tagħraf x'inhuma l-konfini sani f'relazzjoni hija ħila għall-ħajja. F'ċerti ċirkostanzi, din il-ħila tista' saħansitra ssalva ħajja. L-imħabba hija importanti, iżda l-imħabba waħedha mhux dejjem biżżejjed biex relazzjoni tkun waħda sana u sigura. Sempliċiment għax tħobb lil xi ħadd ma jfissirx li trid taċċetta mġiba li tmur kontra u lil hinn mill-konfini tiegħek," qalet il-Ministru Cutajar.

 

Il-Ministru spjegat li l-għarfien dwar relazzjonijiet sani m'għandux ikun limitat biss għar-relazzjonijiet romantiċi, iżda għandu jgħin liż-żgħażagħ jagħrfu wkoll dinamiki mhux sani f'tipi differenti ta' relazzjonijiet.

 

“Relazzjonijiet mhux sani jistgħu jseħħu f'kuntesti differenti, inkluż fi ħdan il-familji, bejn il-ħbieb u online. Għalhekk huwa importanti li nkomplu noħolqu spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jitkellmu b'mod miftuħ dwar dawn il-kwistjonijiet u jkunu jafu fejn jistgħu jirrikorru għall-għajnuna," qalet il-Ministru.

 

Il-Ministru Cutajar saħqet ukoll li l-prevenzjoni għandha tibqa' fil-qalba tal-ħidma kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, b'investiment kontinwu fl-edukazzjoni, fl-għarfien u fl-aċċess għall-appoġġ u s-sostenn.

 

Waqt il-konferenza, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan saħqet dwar kif ir-relazzjonijiet abbużivi ma jibdewx b'mod ovvju u għalhekk l-għarfien fost iż-żgħażagħ dwar kif wieħed jinduna b'sinjali bikrin ta' abbuż huwa essenzjali.

 

Il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, Mary Gaerty spjegat kif il-konferenza tat opportunità liż-żgħażagħ jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom u jirriflettu dwar kif jinbnew relazzjonijiet sani u x'għandhom jagħmlu jekk jinnutaw l-ewwel sinjali ta' mġiba abbużiva jew perikoluża, kemm mal-ħbieb, kemm f'relazzjonijiet intimi jew anke online.

 

Il-konferenza inkludiet ukoll interventi minn professjonisti, akkademiċi u membri ta' għaqdiet mhux governattivi li qasmu l-esperjenzi tagħhom fil-ħidma kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u taw informazzjoni dwar is-servizzi professjonali disponibbli u dwar kif wieħed jista' jgħin lil min jinsab għaddej minn esperjenzi abbużivi.

​