- Il-Ministru Byron Camilleri jżur l-Iskola Primarja A tal-Fgura waqt ġurnata ta' attivitajiet sportivi li tħeġġeġ lill-istudenti jkunu aktar attivi u jadottaw stil ta' ħajja sana
Erbgħin skola madwar Malta u Għawdex ħadu sehem fl-edizzjoni ta' din is-sena ta' SportMalta School Sports Day, inizjattiva li ġabet flimkien studenti u edukaturi f'ġurnata ddedikata għall-isport, l-attività fiżika u l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja sana.
Fl-okkażjoni ta' din il-ġurnata, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri żar l-Iskola Primarja Dun Ġużepp Zerafa A tal-Fgura, fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas Moore, fejn kellu l-opportunità jiltaqa' mal-istudenti u l-edukaturi waqt l-attivitajiet organizzati bħala parti minn din il-ġurnata.
Matul il-ġurnata, l-iskejjel parteċipanti organizzaw diversi attivitajiet sportivi fl-ambjent tal-iskola tagħhom, b'kull skola tagħżel attivitajiet adattati għall-faċilitajiet u l-ħtiġijiet tal-istudenti tagħha. B'hekk, it-tfal kellhom l-opportunità jippruvaw attivitajiet differenti, jaħdmu flimkien u, fuq kollox, jieħdu gost waqt li jkunu fiżikament attivi.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq fuq l-importanza li l-isport ikun parti mill-ħajja ta' kuljum tat-tfal, u li l-iskejjel jibqgħu jagħtu sehemhom biex iħeġġu lill-istudenti jiżviluppaw drawwiet tajbin minn età żgħira.
“Illum, 40 skola madwar Malta u Għawdex qed jagħtu lill-istudenti tagħhom opportunità biex jesperjenzaw l-isport b'mod differenti. L-isport mhuwiex biss dwar min jirbaħ jew min jikseb l-aħjar riżultat. Huwa wkoll dwar il-parteċipazzjoni, il-ħbiberiji, il-ħidma f'tim u, fuq kollox, il-gost li tkun attiv. Irridu li kull tifel u tifla, irrispettivament mill-abbiltajiet tagħhom, ikollhom l-opportunità jipparteċipaw u jiskopru attività li tinteressahom. Meta nagħtu lit-tfal dawn l-esperjenzi minn età żgħira, inkunu qed ngħinuhom jiżviluppaw drawwiet li jistgħu jibqgħu magħhom tul ħajjithom. Għalhekk se nkomplu naħdmu flimkien ma' SportMalta, l-iskejjel u l-edukaturi biex noħolqu aktar opportunitajiet għall-isport u l-attività fiżika, mhux biss f'ġurnata bħal-lum, iżda matul is-sena kollha," qal il-Ministru Camilleri.
Is-Surmast tal-Iskola Primarja A tal-Fgura, Deo Grech, qal: “Din hija ġurnata importanti fil-ħajja tal-iskola, speċjalment fil-bidu ta' sena skolastika ġdida. Permezz ta' din l-inizjattiva, flimkien ma' SportMalta, qed nagħtu aktar importanza lill-attività fiżika fil-ħajja ta' kuljum tal-istudenti. Għalina huwa importanti ħafna li t-tfal ikollhom ħin iddedikat għall-attività fiżika, għaliex din tgħinhom jikkonċentraw aħjar u tagħti kontribut importanti għall-benesseri tagħhom. Għalhekk nemmnu li l-attività fiżika għandha tkun parti mill-ippjanar tal-ġurnata skolastika."
Logan Spalding Hammett, student fl-iskola, qal: “Illum ħadt gost nagħmel l-isport mal-ħbieb tiegħi fl-iskola. Huwa importanti li nagħmlu l-isport biex inkunu b'saħħitna." Bianca Schembri, studenta fl-iskola, qalet: “Illum lgħabna ħafna logħob differenti. Huwa importanti li nagħmlu l-isport biex inkunu b'saħħitna."
Il-Ministru Camilleri sostna li l-parteċipazzjoni ta' dawn l-iskejjel turi kif l-isport jista' jkun aċċessibbli għal kulħadd, mingħajr il-ħtieġa li l-istudenti kollha jipprattikaw l-istess dixxiplina jew ikollhom l-istess livell ta' ħila. Permezz ta' attivitajiet varjati, l-iskejjel jistgħu joħolqu ambjent fejn kull student iħossu inkluż u mħeġġeġ jipparteċipa.
SportMalta School Sports Day, organizzata minn SportMalta, għandha l-għan li tħeġġeġ lill-iskejjel jagħtu aktar spazju lill-attività fiżika fil-ħajja studenteska. L-inizjattiva tħalli wkoll flessibbiltà lill-iskejjel biex ifasslu l-attivitajiet tagħhom skont ir-riżorsi disponibbli u l-interessi tal-istudenti, filwaqt li tippromwovi l-benesseri fiżiku u mentali, il-ħidma f'tim u l-interazzjoni soċjali.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, SportMalta se tirrikonoxxi l-parteċipazzjoni u l-impenn tal-iskejjel, filwaqt li l-iskola li tispikka għall-kreattività, l-inklużjoni u l-attivitajiet organizzati se tkun eliġibbli għar-rikonoxximent tal-Most Outstanding SportMalta School Sports Day.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-kapijiet tal-iskejjel, lill-edukaturi u lil dawk kollha li taw sehemhom fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet. Huwa enfasizza li l-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru, SportMalta u l-komunitajiet edukattivi hija essenzjali biex aktar tfal ikollhom opportunitajiet ikunu attivi u jikbru f'ambjent li jħeġġeġ stil ta' ħajja sana u bilanċjata.