gov.mt

pr261753

PR261753

19/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR


Miftuħa mill-ġdid il-Community Support Scheme li tikkumplimenta l-fondi tal-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea
 
Il-Community Support Scheme (CSS), li tħabbret għall-ewwel darba s-sena li għaddiet mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), ser tkun qed tiftaħ għat-tieni darba nhar l-Erbgħa 28 ta’ Ottubru 2026. Din ser tkompli tindirizza l-ħtiġijiet ta’ 21 kunsill lokali, 4 kunsilli reġjonali u mad-900 għaqda volontarja fil-lokalitajiet li ma jikkwalifikawx taħt il-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea. Il-baġit allokat għaliha huwa dak ta’ €800,000.

Ħabbret il-ftuħ ta’ din l-iskema il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal- Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo. 
 
Aktar kmieni din is-sena fil-fatt ġew varati 56 proġett ġdid fil-komunità, permezz ta’ aktar minn miljun ewro f’fondi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, lil 40 għaqda volontarja, u 12-il kunsilli lokali u kunsilli reġjonali. Dawn inkludew inizjattivi relatati mal-protezzjoni u t-titjib ambjentali, proġetti komunitarji fuq skala żgħira li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet, kif ukoll interventi ta' restawr u konservazzjoni ta' spazji pubbliċi, strutturi storiċi jew elementi kulturali ta' valur għall-komunità.
 
Matul is-snin, il-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropea ġie rikonoxxut bħala suċċess u mod innovattiv ta’ kif jgħin fl-iżvilupp ta’ żoni rurali. Biss, dawn il-fondi huma indirizzati speċifikament għal proġetti li jitwettqu f’lokalitajiet meqjusa rurali u, għaldaqstant, numru ta’ lokalitajiet f’Malta ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn il-fondi. Din l-iskema tindirizza din is-sitwazzjoni u tappoġġja lil dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li huma bbażati f’lokalitajiet li mhumiex eliġibbli taħt il-programm LEADER.
 
Għall-Community Support Scheme se jkunu eliġibbli l-kunsilli lokali u reġjonali, kif ukoll l-għaqdiet volontarji minn 21 lokalità f’Malta: Ħal Balzan, Birkirkara, Bormla, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, il-Birgu, il-Fgura, il-Furjana, il-Gżira, il-Ħamrun, l-Imsida, l-Isla, il-Marsa, Raħal Ġdid, Pembroke, San Ġiljan, San Ġwann, Santa Venera, Tal-Pietà, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex.
 
Is-sejħa għall-proposti bit-termini tinsab fuq vofunding.org.mt, flimkien ma’ linji gwida u għajnuna sabiex jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet. L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu sal-Erbgħa 25 ta’ Novembru 2026, filwaqt li ser isiru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni sabiex ikunu ta’ gwida matul il-proċess tal-applikazzjoni.
 
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħna ma jiddependux minn jekk lokalità hijiex klassifikata bħala rurali jew urbana. Bħala Gvern, għandna r-responsabbiltà li niżguraw li kull komunità jkollha opportunitajiet biex tiżviluppa u twettaq proġetti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Is-56 proġett li ġew varati aktar kmieni din is-sena juru kemm dan l-appoġġ jista’ jħalli impatt.” 
 
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti faħħar din l-iskema u laqa’ l-ftuħ tat-tieni sejħa tagħha. “Permezz ta’ din l-iskema se jkunu eliġibbli lokalitajiet li ma setgħux jiġu appoġġati taħt il-programm LEADER, b’hekk nistgħu niżguraw li l-ebda komunità ma titħalla lura, anzi kull komunità għandu jkollha ċ-ċans li tibbenefika minn dawn l-iskemi biex ikun possibbli li jinħolqu aktar proġetti fil-lokalitajiet tagħna.”
 
Min-naħa tiegħu, Mauro Pace Parascandalo, qal li “għal darb’oħra qed naraw fond ieħor għall-għaqdiet, u f’dan il-każ kunsilli lokali, li mhux biss tħabbar ta’ darba biss iżda anki għat-tieni sena. Dan jawgura tajjeb għall-futur kemm tal-fond, iżda wkoll għat-twettiq ta’ aktar proġetti għall-ġid tal-kommunitajiet tagħna”.


​