gov.mt

PR261759

PR261759

20/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Is-Service Dogs Malta Foundation b'vettura li ssaħħaħ l-indipendenza ta' persuni b'diżabilità


Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat qed jagħti appoġġ finanzjarju ta' €20,000 lil Service Dogs Malta Foundation għall-proġett Accessible Transport for Independence permezz tal-iskema Voluntary Organisations Project Scheme tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) magħrufa aħjar fost l-għaqdiet volontarji bħala l-iskema VOPS. Permezz ta' dan il-proġett, il-fondazzjoni se tixtri vann adattat għat-trasport sigur ta' klieb ta' assistenza, kemm dawk li għadhom qed jitħarrġu kif ukoll dawk imħarrġa, flimkien mal-persuni li jużaw is-servizzi tagħha u l-voluntiera. 

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. 

 

Il-vettura se tintuża għal appuntamenti veterinarji, kontrolli mediċi, sessjonijiet ta' taħriġ u attivitajiet fil-komunità. Dan l-investiment se jgħin lill-fondazzjoni tegħleb ostaklu loġistiku importanti, ittejjeb il-benesseri tal-klieb waqt it-trasport u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tqabbad aktar klieb ta' assistenza ma' persuni li għandhom bżonnhom.

 

Waqt it-tħabbira ta' din l-għajnuna, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “l-indipendenza tinbena wkoll billi nneħħu ostakli prattiċi li jistgħu jillimitaw il-ħajja ta' kuljum ta' persuni b'diżabilità. Kelb ta' assistenza jista' jagħmel differenza kbira fil-kunfidenza, fis-sigurtà u fil-libertà tal-persuna li jakkumpanja. B'dan l-appoġġ qed insaħħu l-ħidma ta' Service Dogs Malta Foundation biex tkun tista' tilħaq aktar persuni u twassal is-servizzi tagħha b'mod aktar effiċjenti. Din hija l-inklużjoni li rridu nkomplu naħdmu għaliha: appoġġ konkret li jagħti lill-persuni aktar għażla u kontroll fuq ħajjithom."

 

Il-vann se jippermetti wkoll lill-fondazzjoni żżid iż-żjarat fil-komunità u l-attivitajiet ta' għarfien dwar ir-rwol tal-klieb ta' assistenza. Dawn l-inizjattivi jgħinu lill-pubbliku jifhem aħjar kif dawn il-klieb jappoġġjaw lil persuni b'diżabilità u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

 

Min-naħa tiegħu, il-President ta' Service Dogs Malta Foundation, Joseph Stafrace, qal kif “issa se nkunu wkoll f'pożizzjoni aħjar biex inwessgħu l-ħidma tagħna fil-komunità u nilħqu aktar persuni b'diżabilità. Għalina, dan l-investiment ifisser aktar opportunitajiet biex ngħinu lill-persuni jiksbu aktar indipendenza u kunfidenza fil-ħajja ta' kuljum. Ifisser wkoll li b'dan il-vann modern se niffrankaw mill-ispejjeż marbuta mal-fuel." 


Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, spjega kif “l-iskema VOPS hija waħda mill-aktar popolari mal-għaqdiet. Dan bir-raġun, għax hija skema flessibbli li tgħinhom joħolmu u jimirħu sabiex jattwaw proġetti bħal dan li ser ikomplu jsaħħu s-servizzi li l-għaqda tipprovdi."

 

Ritratti:MIV​

​