gov.mt

PR261766

PR261766

21/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Gvern iħabbar pakkett ta' miżuri nazzjonali biex jindirizza ż-żieda fil-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan u jsaħħaħ is-settur tal-apikultura Malti

​ 

Il-Gvern approva pjan ta' azzjoni nazzjonali biex jindirizza ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan u l-impatti tiegħu fuq is-settur tal-apikultura, l-agrikoltura u l-pubbliku.

 

Għalkemm il-bagħal taż-żunżan ilu preżenti f'Malta għal ħafna snin, iż-żieda mgħaġġla fil-popolazzjoni tiegħu fl-aħħar staġun ħolqot pressjoni bla preċedent fuq il-kolonji tan-naħal, wasslet għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-għasel u qajmet tħassib dwar is-sigurtà f'żoni residenzjali u pubbliċi. Il-Gvern qed iħabbar l-implimentazzjoni ta' pakkett ta' miżuri li jipprovdi appoġġ immedjat, isaħħaħ ir-reżiljenza fit-tul u jtejjeb il-kapaċità nazzjonali biex din l-ispeċi tiġi ġestita b'mod effettiv.

 

Il-pakkett jinkludi seba' azzjonijiet kumplimentari li flimkien jiffurmaw strateġija nazzjonali:

 

  1. Programm ta' riċerka u innovazzjoni

 

Il-Gvern se jniedi programm dedikat biex jappoġġja r-riċerka dwar teknoloġiji għall-kontroll tal-bagħal taż-żunżan. Se jinfetħu sejħiet kompetittivi għal kollaborazzjonijiet bejn istituzzjonijiet xjentifiċi u organizzazzjonijiet tan-naħħala biex jiġu ttestjati sistemi ta' nases, għodod ta' monitoraġġ u metodi ta' traċċar tal-bejtiet. Se ssir ukoll kollaborazzjoni ma' esperti internazzjonali.

 

  1. Skema għall-ħolqien ta' kolonji ġodda

 

Il-Gvern se jappoġġja lin-naħħala biex jistabbilixxu kolonji ġodda wara t-telf sostanzjali li ġarrbu. L-għajnuna se tingħata bil-kundizzjoni li proporzjon mill-kolonji l-ġodda jkun tan-naħla Maltija, Apis mellifera ruttneri, sabiex jissaħħu l-konservazzjoni tal-wirt ġenetiku nazzjonali u r-reżiljenza fit-tul tas-settur.

 

  1. Skema ta' appoġġ għall-kolonji eżistenti

 

In-naħħala kummerċjali li sofrew telf fl-2026 se jingħataw appoġġ immirat għal kull kolonja. Din il-miżura se tipprovdi kumpens għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-għasel minħabba l-pressjoni tal-bagħal taż-żunżan u tgħin biex is-settur jistabbilizza ruħu għall-istaġun li ġej.

 

  1. Programm għall-konservazzjoni tan-naħla Maltija

 

Il-programmi tat-tnissil tan-naħla Maltija se jissaħħu biex tiżdied il-kapaċità tat-tnissil ta' rġejjen Maltin, titnaqqas id-dipendenza fuq rġejjen importati u jitwettaq l-impenn tal-Manifest Elettorali EMP 19.032. Din il-miżura hija maħsuba biex tikkumplimenta l-iskema għall-ħolqien ta' kolonji ġodda, filwaqt li tiżgura l-kontinwità tal-isforzi ta' konservazzjoni fit-tul u tippromwovi provvista sostenibbli ta' kolonji mrobbija lokalment.

 

  1. Hotline nazzjonali u programm għall-qerda tal-bejtiet

 

Se titwaqqaf sistema ċentrali għar-rappurtar tal-bejtiet, flimkien ma' servizz koordinat għall-qerda tagħhom. Il-programm se jiffoka b'mod speċjali fuq il-perjodu kritiku bejn Frar u Marzu, meta l-irġejjen jibdew jistabbilixxu kolonji ġodda. L-introduzzjoni ta' tagħmir ta' traċċar se tiġi kkunsidrata wara li jiġi ttestjat, bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza fis-sejba tal-bejtiet.

 

  1. Kampanja nazzjonali ta' għarfien u prevenzjoni

 

Se titnieda kampanja ta' informazzjoni pubblika biex tħeġġeġ lill-komunitajiet jadottaw miżuri prattiċi li jnaqqsu l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-preżenza u t-tkattir tal-bagħal taż-żunżan. Il-kampanja se tiffoka fuq il-ġestjoni responsabbli tal-iskart, it-tneħħija tal-fdalijiet tal-ikel u l-ġestjoni xierqa tal-għalf tal-annimali f'żoni pubbliċi. Se tingħata wkoll informazzjoni dwar kif tintuża l-hotline nazzjonali u kif jaħdem il-programm għas-sejba u t-tneħħija tal-bejtiet.

 

  1. Forum nazzjonali għall-monitoraġġ u l-koordinazzjoni

 

Il-Gvern se jistabbilixxi forum nazzjonali dwar il-bagħal taż-żunżan biex jiġbor flimkien entitajiet pubbliċi, istituzzjonijiet xjentifiċi, organizzazzjonijiet tas-settur u partijiet interessati. Il-forum se jiżgura koordinazzjoni kontinwa, reviżjoni tal-progress u approċċ nazzjonali bbażat fuq l-evidenza.

 

L-implimentazzjoni ta' dan il-pjan nazzjonali hija mistennija tinvolvi investiment ta' madwar miljun ewro mifrux fuq diversi miżuri kumplimentari.

 

Il-Gvern jibqa' impenjat bis-sħiħ li jappoġġja s-settur tal-apikultura u jipproteġi lill-komunitajiet mill-impatti tal-bagħal taż-żunżan. L-implimentazzjoni tal-miżuri se tibda minnufih u tkompli sakemm ikun meħtieġ biex din l-ispeċi tiġi kkontrollata u ġestita b'mod effettiv.

 

​