gov.mt

PR261767

PR261767

21/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-EY jikkonfermaw il-fiduċja tal-investituri fl-ekonomija Maltija u l-potenzjal tal-investiment fl-intelliġenza artifiċjali”- Il-Prim Ministru Robert Abela

​

  • 81% tal-investituri jqisu lil Malta bħala pajjiż attraenti għall-investiment barrani
  • Il-Prim Ministru: Disgħa minn kull għaxar kumpaniji beħsiebhom iżommu jew ikabbru l-operat tagħhom f'Malta matul is-sena li ġejja

81% tal-investituri barranin iqisu lil Malta bħala destinazzjoni attraenti għall-investiment dirett barrani, filwaqt li disgħa minn kull għaxar kumpaniji beħsiebhom iżommu jew ikabbru l-operat tagħhom f'pajjiżna matul is-sena li ġejja.

Dawn huma fost ir-riżultati ewlenin mill-Malta Attractiveness Survey 2026 ikkummissjonat mill-kumpanija internazzjonali Ernst and Young (EY).

Waqt diskors fil-konferenza fejn tħabbar dan l-istudju, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li r-rata ta' 81% tirrappreżenta titjib fuq is-sena li għaddiet u tikkonferma l-fiduċja li l-investituri internazzjonali għadhom ipoġġu f'pajjiżna.

“Għalija, l-aktar riżultat sinifikanti huwa li disgħa minn kull għaxar kumpaniji jridu jibqgħu jew ikomplu jinvestu f'Malta. M'hemmx turija ta' fiduċja akbar fil-futur ta' pajjiż milli meta dawk li diġà investew fih ikunu determinati li jkomplu jikbru," sostna l-Prim Ministru.

Riżultat ieħor sinifikanti jikkonċerna l-intelliġenza artifiċjali fejn 59% tal-investituri identifikaw l-AI bħala wieħed mis-setturi li mistennija jmexxu t-tkabbir ekonomiku ta' Malta, żieda minn 47% s-sena li għaddiet. L-intelliġenza artifiċjali ġiet identifikata wkoll bħala s-settur bl-akbar potenzjal ta' tkabbir fit-tul.

Il-Prim Ministru qal li dawn ir-riżultati jikkonfermaw id-direzzjoni li qed jieħu l-Gvern permezz tal-istrateġija nazzjonali għall-AI u inizjattivi bħall-AI għall-Kulħadd, li diġà attirat aktar minn 40,000 parteċipant.

Huwa fakkar ukoll fl-investiment ta' €100 miljun għat-trasformazzjoni diġitali mħabbar fl-aħħar Budget, impenn li se jerġa' jiġi affermat fil-Budget li ġej.

Filwaqt li rrikonoxxa r-realtajiet identifikati mill-istħarriġ tal-EY, il-Prim Ministru enfasizza li l-fażi li jmiss tat-tkabbir ekonomiku trid tkun ibbażata dejjem aktar fuq il-produttività, l-innovazzjoni u investiment ta' valur miżjud.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-istabbiltà ekonomika, filwaqt li tenna l-impenn li jinżammu s-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils, b'investiment ta' €400 miljun din is-sena u €400 miljun oħra s-sena d-dieħla. Huwa spjega li t-tneħħija ta' dawn is-sussidji hija stmata li twassal għal tnaqqis ta' madwar 2.2% fil-Prodott Domestiku Gross.

Il-Prim Ministru temm billi sostna li r-riżultati tal-EY jagħtu aktar fiduċja fid-direzzjoni ekonomika ta' pajjiżna.​

“Permezz tal-Viżjoni Malta 2050 u l-Budget li se nippreżentaw nhar it-Tnejn, se nkomplu nibnu fuq din il-fiduċja. L-għan tagħna mhuwiex biss li nattiraw aktar investiment, iżda li dan l-investiment jissarraf f'opportunitajiet aħjar, impjiegi ta' kwalità u ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin," temm il-Prim Ministru.

​