Tħabbar it-twaqqif ta' studio ġdid tal-podcasts fiċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f'Raħal Ġdid, li se jkompli jsaħħaħ il-ħidma tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u joffri lill-għaqdiet volontarji opportunitajiet ġodda biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lill-pubbliku. L-istudio, li jinsab fis-sular ta' fuq taċ-ċentru, tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Din l-inizjattiva hija parti mill-impenn tal-MCVS li jkompli jasal għand l-għaqdiet u l-pubbliku b'kontenut fuq il-mezzi tax-xandir, inkluż fil-midja soċjali. Apparti dan, fix-xhur li ġejjin dan l-istudio ser jiġi wkoll offrut lill-għaqdiet volontarji sabiex ikompli jsaħħaħ is-servizzi u r-riżorsi disponibbli lilhom, filwaqt li joffrilhom opportunitajiet ġodda biex jikkomunikaw aħjar il-ħidma tagħhom lil udjenza usa' billi jirrekordjaw filmati għal kampanji, pjattaformi diġitali u inizjattivi oħra tagħhom.
Iċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f'Paola sar punt ta' referenza għall-għaqdiet volontarji, li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tiegħu għal-laqgħat, taħriġ u attivitajiet oħra relatati mal-ħidma tagħhom. Fl-ewwel sitt xhur tiegħu bejn Jannar u Ottubru 2026, iċ-ċentru kellu 332 attività ibbukkjata, li juri l-użu kontinwu tal-faċilità mill-għaqdiet volontarji. L-istudio l-ġdid tal-podcasts ser ikompli jibni fuq dawn il-faċilitajiet, billi jipprovdi spazju apposta għall-produzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia spjegat li: “Għal dan il-Gvern, il-volontarjat huwa sieħeb ewlieni fit-twettiq tal-bidla soċjali li rridu naraw f'pajjiżna. Għalhekk qed inkomplu ninvestu biex l-għaqdiet volontarji jkollhom l-għodod u l-ispazji li jixirqilhom. B'dan l-istudio qed nagħtuhom opportunità oħra biex iwasslu l-messaġġ tagħhom, iqajmu kuxjenza dwar il-ħtiġijiet tal-komunità u jħajru aktar nies jingħaqdu magħhom. Il-politika tagħna hija ċara: irridu settur tal-volontarjat b'saħħtu, u b'vuċi li tinstema'. Dan l-investiment huwa turija konkreta ta' kif qed insarrfu dan l-impenn f'riżorsi li l-għaqdiet jistgħu jużaw fil-ħidma tagħhom ta' kuljum," temmet tgħid il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo, qal li, “Din l-inizjattiva tikkonferma l-impenn tal-MCVS li jkompli jaġġorna ruħu filwaqt li jinvesti f'għodod u servizzi għall-ġid tas-settur."