- Il-Ministru Byron Camilleri u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca jniedu l-inizjattiva li din is-sena tgħaqqad stejjer u kulturi differenti
L-għaxar edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali tnediet mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri flimkien mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, f'ċelebrazzjoni li laqqgħet studenti minn tmien skejjel biex jaqsmu l-imħabba tagħhom għall-qari u l-irrakkontar tal-istejjer.
It-tnedija saret fl-Iskola Primarja ta' San Ġwakkin f'Marsaskala, fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas Moore, taħt it-tema 'Imdawrin bl-Istejjer'. L-edizzjoni ta' din is-sena tiffoka fuq l-istejjer minn kulturi differenti, bil-għan li t-tfal jingħataw l-opportunità jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jiskopru tradizzjonijiet differenti u jsaħħu l-valuri tar-rispett, l-empatija u l-għaqda.
Waqt l-attività, l-istudenti ppreżentaw xogħlijiet marbuta mat-tema tal-Qaritona u ħadu sehem f'diskussjoni mal-Ambaxxaturi tal-Qari. Il-Ministru Camilleri u l-President Emeritu Coleiro Preca ngħaqdu wkoll mal-istudenti f'sessjonijiet ta' qari, biex iħeġġuhom ikomplu jiskopru d-dinja tal-kotba u jagħmlu l-qari parti mill-ħajja tagħhom.
“Il-qari huwa wieħed mill-aktar għodod importanti li nistgħu nagħtu lit-tfal tagħna. Permezz tal-kotba, it-tfal jiskopru dinjiet ġodda, jitgħallmu kliem ġdid, jiżviluppaw il-kreattività tagħhom u jiksbu aktar kunfidenza biex jesprimu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom. Iżda l-imħabba għall-qari ma għandhiex tieqaf mal-aħħar paġna ta' ktieb jew mat-tmiem ta' inizjattiva bħal din. Irridu li l-qari jsir drawwa li takkumpanja lit-tfal tul ħajjithom. Għalhekk qed inkomplu ninvestu fil-libreriji pubbliċi tagħna u nżidu r-riżorsi disponibbli, biex aktar tfal u żgħażagħ ikollhom l-opportunità jsibu kotba li jinteressawhom. Il-kotba qegħdin hemm biex jinqraw u jitgawdew, u rridu nkomplu nħeġġu lit-tfal tagħna jagħmlu użu minnhom," qal il-Ministru Camilleri.
Il-President Emeritu ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, saħqet “Ejjew flimkien inkabbru l-impatt tal-Qaritona Nazzjonali u nagħtu vuċi lil kull tifel u tifla. Kull storja għandha l-qawwa li tmiss il-qlub, tkisser il-ħitan u tgħaqqadna lil hinn mid-differenzi tagħna. Permezz tal-qari, qed inħawlu fit-tfal iż-żerriegħa tar-rispett, l-empatija u l-inklużjoni, valuri li jsawru futur aktar ġust u magħqud. L-appoġġ tagħkom jista' jgħin biex kull tifel u tifla jħossu li jappartjeni, li huwa mismugħ u li d-diversità tagħna hija s-saħħa li tgħaqqadna."
Il-Ministru rrefera għall-interess li għadu jeżisti fil-qari, fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, mil-libreriji pubbliċi ġew mislufa aktar minn 700,000 ktieb, bil-biċċa l-kbira tas-self isir minn tfal u żgħażagħ. Huwa spjega li dan l-interess qed ikompli jiġi sostnut permezz ta' investiment fir-riżorsi tal-libreriji, hekk kif matul is-sena li għaddiet żdiedu kważi 40,000 ktieb ġdid. Illum, minbarra l-Librerija Ċentrali tal-Furjana, hemm kważi 60 librerija pubblika mifruxa madwar Malta u Għawdex, li joffru lill-pubbliku l-opportunità jissellef kotba bil-Malti u bl-Ingliż mingħajr ħlas.
Ella Ellul, studenta mill-Iskola Primarja St Joan Antide, qalet: “Jien ġejt illum hawnhekk għall-Qaritona għax għalija din qisha maratona tal-qari. Jiena nħobb naqra ħafna, speċjalment bil-Malti u bl-Ingliż. Inħobb naqra stejjer tal-misteru, umoristiċi, tal-fantasija u, fuq kollox, kotba tal-informazzjoni. Għalija l-qari huwa importanti għax meta tkun qed tikteb xi kitba, mill-qari jiġuk l-ideat."
Martha Vella, studenta mill-Iskola Primarja ta' Ħal Tarxien, fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas Moore, qalet: “Il-qari huwa importanti ħafna biex tkun tista' taħseb aktar meta jkollok bżonn tikteb xi kitba u biex ikollok vokabularju tajjeb."
Il-Qaritona Nazzjonali bdiet fl-2018 fuq inizjattiva tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien mal-President's Trust, taħt il-patroċinju tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca. Matul is-snin, kompliet toffri esperjenzi differenti lill-istudenti, filwaqt li ħeġġithom mhux biss jaqraw, iżda wkoll jaqsmu l-istejjer tagħhom u jitgħallmu minn xulxin.
Fl-edizzjoni tas-sena skolastika 2025/2026, l-istudenti kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma' residenti fil-Faċilità ta' Kura fit-Tul ta' San Vinċenz de Paul, fejn permezz tal-qari u l-irrakkontar tal-istejjer inħolqu rabtiet bejn ġenerazzjonijiet differenti. Din is-sena, il-Qaritona qed tkompli tibni fuq il-valur tal-istejjer bħala mezz li jgħaqqad lin-nies, billi tagħti spazju lill-istudenti jesploraw u jaqsmu stejjer minn kulturi differenti.
Il-Qaritona Nazzjonali hija organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, flimkien ma' The Malta Foundation for the Wellbeing of Society u The Malta Trust Foundation, b'kollaborazzjoni ma' Malta Public Transport.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, lill-fondazzjonijiet involuti, lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, lill-Ambaxxaturi tal-Qari u lill-edukaturi għall-ħidma tagħhom biex ikomplu jrawmu l-imħabba għall-qari fost it-tfal u ż-żgħażagħ.