• Il-Prim Ministru jżur is-Superyacht Builders Association (SYBAss) li rrilokat is-sede u l-uffiċċju legali tagħha lejn Malta
Waqt żjara fl-uffiċini tas-Superyacht Builders Association (SYBAss) il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-Gvern irid li Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza marittima, innovazzjoni u żvilupp professjonali.
“Malta diġà hija fuq quddiem fl-industrija internazzjonali tas-superyacht flag appoġġjata minn kompetenzi marittimi estensivi, qafas regolatorju b’saħħtu u industrija stabbilita tas-servizzi marittimi. Imma l-ambizzjoni tagħna tmur lil hinn mir-reġistrazzjoni” qal Dr Abela.
Il-Prim Ministru qal li, “L-għan tal-Gvern jibqa’ ċar, li nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru marittimu ewlieni, filwaqt li tikkontribwixxi għal industrija tas-superyachts aktar sigura, aktar sostenibbli u aktar kompetittiva.”
Iż-żjara kienet qed timmarka l-ewwel board meeting tal-assoċjazzjoni ġdida li fetħet is-sede uffiċjali u l-uffiċċji legali tagħha f’Malta bil-għan li tirrapreżenta s-sħubija internazzjonali tagħha u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan is-settur kbir tas-superyachts.
“Id-deċiżjoni tagħkom li tistabbilixxu ruħkom f’Malta huwa pass ieħor ’il quddiem u rikonoxximent tal-kredenzjali marittimi b’saħħithom ta’ Malta,” qal il-Prim Ministru li sostna li hemm tliet kunsiderazzjonijiet partikolari li huma importanti għall-kooperazzjoni.
“L-ewwel nett, l-aspett ta’ sigurtà u regolazzjoni u allura ż-żamma tal-ogħla standards internazzjonali. It-tieni, is-sostenibbiltà b’ħidma għal dikarbonizzazzjoni li hija prattika, teknoloġikament realistika u ekonomikament vijabbli,” kompla jgħid Dr Abela.
Finalment, it-tielet konsiderazzjoni huma l-ħiliet u l-opportunitajiet u allura kooperazzjoni f’taħriġ, fl-apprendistat u fl-iżvilupp professjonali. Dawn ilkoll, kompla Dr Abela, iwasslu għal opportunitajiet għall-istudenti Maltin u gradwati f’din l-industrija globali.
Il-Prim Ministru temm jirrimarka li huwa ta’ pjaċir għall-Gvern li jilqa’ f’Malta uħud mill-aqwa persuni fil-bini tas-super yachts u li huma responsabbli għal aktar minn nofs il-yachts akbar minn 40 metru, li bħalissa qed jinbnew, madwar id-dinja.”
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett. Min-naħa ta’ SYBAss attendew, fost oħrajn, il-President Jan-Bart Verkuyl u d-Direttur Eżekuttiv Robert van Tol.