Il-Budget 2027 wassal messaġġ b'saħħtu, pożittiv, u ta konferma oħra li dan il-Gvern iwettaq kull ma jwiegħed, bil-qasam soċjali jerġa' jikseb prominenza.
Budget li ser ikompli jservi ta' kontinwità mill-2013 'l quddiem, fejn dan il-Gvern dejjem kien ta' sostenn għall-familji, il-pensjonanti, il-persuni b'diżabilità u dawk il-persuni li għandhom bżonn t'aktar għajnuna minn oħrajn.
Saħaq dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon f'konferenza tal-aħbarijiet li matulha pprovda spjegazzjoni dettaljata dwar diversi miżuri marbuta mal-pensjonijiet.
“Illum il-pensjonanti qed jitkellmu dwar x'ħadu iktar, wħud minnhom ser jieħdu l-pensjoni għall-ewwel darba, grazzi għal deċiżjonijiet kuraġġużi illi ħadna. X'differenza minn 22 sena ta' friżar fil-pensjoni tagħhom taħt amministrazzjonijiet preċedenti, fejn il-pensjoni ma żdiditx imqar b'ċenteżmu wieħed", stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon semma kif minn Jannar illi ġej, il-pensjonanti ser jaraw żieda ta' €10 fil-ġimgħa, inkluża l-COLA. Eventwalment, tul il-leġislatura l-pensjonanti ser jiżdiedu b'€50 fil-ġimgħa. Dan filwaqt li l-limitu tad-dħul minn pensjonijiet eżenti mit-taxxa se jiżdied b'€520, għal €37,624 fis-sena.
Waqt din il-konferenza saret emfasi fuq il-miżura li ħabbar il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, b'rabta mat-trasferiment ta' kontribuzzjonijiet soċjali. Hawnhekk, il-Ministru Michael Falzon fisser din il-miżura bħala waħda revoluzzjonarja, kuraġġuża u li ser tagħti pensjoni għall-ewwel darba lil 3,200 mara, b'investiment li jlaħħaq it-€13-il miljun.
It-trasferiment ta' kontribuzzjonijiet jista' jsir bejn konjugi, sħab f'unjoni ċivili u koabitanti reġistrati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet. B'kollox jistgħu jiġu ttrasferiti sa 260 kontribuzzjoni — ekwivalenti għal ħames snin. Dan it-trasferiment jista' jsir sabiex jingħaqdu l-10 snin bolol, li jagħmlu persuna eliġibbli għall-pensjoni. F'każ li ma jintlaħqux 520 kontribuzzjoni, l-kontribuzzjonijiet trasferiti xorta jitqiesu għall-finijiet tad-Deficiency Contributory Bonus (DCB), għotja li tingħata darba f'sena għal min m'għandux biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex jieħu pensjoni, u għalhekk tiżdied ir-rata applikabbli ta' dan il-bonus. Il-persuni eliġibbli m'għandhomx għalfejn japplikaw u ser jiġu notifikati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Matul din il-konferenza ngħataw dettalji wkoll dwar kif ser jitlesta l-proċess għall-pensjoni sħiħa tar-romol, fejn aktar minn 7,000 persuna se jirċievu żieda oħra biex ir-romol kollha jibbenefikaw mill-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi.