Il-Kunsill tal-Ministri jilħaq qbil dwar Approċċ Ġenerali Parzjali għall-PAK ta' wara l-2027, filwaqt li Malta jirnexxielha żżomm l-Appoġġ Akkoppjat għall-Introjtu u tirdoppja l-allokazzjoni minn €3 miljun għal €6 miljun
Malta kisbet riżultat importanti fin-negozjati dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), hekk kif il-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-Unjoni Ewropea laħaq qbil unanimu dwar Approċċ Ġenerali Parzjali għall-qafas il-ġdid tal-PAK għas-snin 2028-2034.
Bħala parti minn dan il-qbil, Malta rnexxielha tissalvagwardja l-possibbiltà li tkompli tagħti Appoġġ Akkoppjat għall-Introjtu lil setturi agrikoli speċifiċi, għodda importanti sabiex pajjiżna jkun jista' jkompli jwieżen setturi li huma partikolarment vulnerabbli minħabba r-realtajiet u l-limitazzjonijiet tas-settur agrikolu Malti.
Aktar minn hekk, l-allokazzjoni għal Malta taħt dan l-intervent mistennija tirdoppja minn €3 miljun għal €6 miljun fil-perjodu li jmiss, u b'hekk tipprovdi bażi aktar b'saħħitha sabiex jingħata sostenn lill-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Dan ir-riżultat intlaħaq wara ġurnata ta' diskussjonijiet u negozjati fil-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd, li sar fil-Lussemburgu li għalih ipparteċipa l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo.
Matul in-negozjati, Malta insistiet li l-Politika Agrikola Komuni l-ġdida għandha tkun ġusta, flessibbli u kapaċi tirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istati Membri żgħar u insulari. Ingħatat enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-bdiewa li joperaw fuq skala żgħira, filwaqt li l-aċċess għall-għajnuna Ewropea jsir aktar sempliċi u proporzjonat għar-realtà tagħhom.
Malta rnexxielha wkoll tikseb numru ta' emendi importanti fil-pożizzjoni tal-Kunsill sabiex jiġu salvagwardjati aħjar il-ħtiġijiet tal-bdiewa Maltin u Għawdxin u jiġu ssimplifikati l-proċessi marbuta mal-aċċess għall-appoġġ finanzjarju.
Il-Ministru Anton Refalo qal, “Ir-riżultat miksub illum huwa pass importanti ħafna għal Malta. Irnexxielna mhux biss niddefendu l-possibbiltà li nkomplu nagħtu appoġġ dirett lil setturi agrikoli li huma essenzjali għal pajjiżna, iżda wkoll insaħħu b'mod sostanzjali r-riżorsi disponibbli għal dan l-għan, b'allokazzjoni li se titla' minn €3 miljun għal €6 miljun. Dan huwa riżultat konkret għall-bdiewa Maltin u Għawdxin. Tul dawn in-negozjati insistejna li politika Ewropea komuni ma tistax tkun politika ta' soluzzjoni waħda għal kulħadd. Malta għandha karatteristiċi u sfidi partikolari, u kien għalhekk essenzjali li nassiguraw il-flessibbiltà meħtieġa sabiex inkunu nistgħu nkomplu nipproteġu u nsaħħu s-setturi agrikoli tagħna."
Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-Presidenza Irlandiża għall-ħidma tagħha sabiex seta' jintlaħaq il-qbil fil-Kunsill.
L-Approċċ Ġenerali huwa wieħed parzjali minħabba li numru ta' elementi finanzjarji għadhom qed jiġu nnegozjati separatament fil-kuntest tal-qafas finanzjarju tal-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin.
Fuq l-aġenda tal-Kunsill kien hemm ukoll diversi temi marbuta mas-settur tas-sajd, fosthom il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u t-tħejjijiet għal diskussjonijiet internazzjonali dwar il-konservazzjoni tat-tonn fl-Atlantiku u fil-Mediterran.