gov.mt

PR261807

PR261807

28/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Qrendi b’Ċentru Ċiviku u spazji komunitarji mtejjba permezz ta’ investiment ta’ kważi €600,000

Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet fiċ-Ċentru Ċiviku u l-Playing Field tal-Qrendi, fejn permezz ta' investiment ta' kważi €600,000 qed isiru interventi biex il-faċilitajiet tal-lokalità jiġu mtejjba u offruti spazji aktar moderni, aċċessibbli, siguri u inklussivi għall-komunità.

L-investiment qed isir permezz ta' diversi skemi ta' finanzjament tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali fi ħdan il-Ministeru għal Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Ministru għal Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Qrendi, David Michael Schembri, żaru x-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru Ċiviku u l-Playing Field tal-lokalità, li permezz tagħhom qed ikompli jsir investiment fil-faċilitajiet u fl-ispazji għall-komunità.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett fil-Qrendi huwa eżempju konkret ta' kif il-Gvern qed ikompli jinvesti fil-komunitajiet u jaħdem mal-Kunsilli Lokali biex jinħolqu faċilitajiet li jwieġbu għall-ħtiġijiet tar-residenti. “Dan huwa investiment fil-komunità tal-Qrendi u fl-ispazji li jservu lir-residenti ta' kull età. Permezz ta' dawn l-investimenti qed niżguraw li l-Kunsilli Lokali jkollhom il-mezzi u l-faċilitajiet meħtieġa biex ikomplu joffru servizz aħjar lill-komunità, filwaqt li noħolqu spazji aktar aċċessibbli, siguri u inklussivi għal kulħadd," qalet il-Ministru.

Il-Ministru saħqet li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu favur komunitajiet aktar b'saħħithom, billi jressaq l-investiment lejn il-lokalitajiet u jkompli jappoġġja lill-Kunsilli Lokali biex iwettqu proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Is-Sindku David Michael Schembri qal li l-proġett se jagħti lill-komunità spazji u faċilitajiet ġodda għall-użu mir-residenti ta' kull età. Huwa rringrazzja lill-Ministeru u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għall-appoġġ u l-opportunitajiet ta' finanzjament li ppermettew lill-Kunsill iwettaq dan l-investiment.

Fiċ-Ċentru Ċiviku qed jitlesta s-sular ta' fuq, inkluż toilets, kċina żgħira, it-tisbiħ tas-Sala tal-Kunsill u tal-Kamra tal-Laqgħat, kif ukoll se jiġi installat lift. Parti mill-proġett tinkludi wkoll ir-rinnovazzjoni tal-klinika, bil-għan li s-servizzi tas-saħħa jkunu aktar qrib u aċċessibbli għar-residenti tal-Qrendi.

Fil-bandli ġie installat apparat ġdid li jilħaq l-istandards tal-Unjoni Ewropea u jinkludi elementi adattati għal persuni b'diżabilità, tfal żgħar u żgħażagħ. Ġew introdotti wkoll reading area u open gym, filwaqt li sar tħawwil ta' siġar u arbuxxelli madwar iż-żona.

Il-faċilitajiet il-ġodda huma maħsuba biex jintużaw mill-komunità matul il-ġurnata kollha, b'żoni li jistgħu jintużaw għal attivitajiet, rikreazzjoni, laqgħat u inizjattivi oħra. Il-proġett jinkludi wkoll miżuri ta' sostenibbiltà u sigurtà, fosthom double glazing, aperturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u kameras tas-sigurtà.​​

Permezz ta' dan l-investiment, il-Qrendi se jkollu faċilitajiet li joffru spazji aktar funzjonali u aċċessibbli kemm għall-ħidma tal-Kunsill Lokali kif ukoll għall-użu tal-pubbliku, b'enfasi fuq il-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ u r-residenti ta' kull età.

​