Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, enfasizzat l-importanza li min iħaddem ikollu l-għarfien u l-għodod meħtieġa biex jagħraf sitwazzjonijiet ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, u jkun jaf kif jieħu l-azzjoni xierqa u fejn idur għal għajnuna speċjalizzata.
Waqt l-attività “Do Not Look Away — Gender-Based Violence is also a Business Issue”, organizzata mill-Malta Chamber u ffinanzjata permezz tal-iskema Together We Empower tal-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, ġew diskussi r-rwol tal-post tax-xogħol fil-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll l-isfidi li jiltaqgħu magħhom min iħaddem. L-attività inkludiet interventi minn diversi esperti fil-qasam.
Il-Ministru qalet li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru mhijiex biss kwistjoni għall-Gvern, il-pulizija, il-qrati u s-servizzi speċjalizzati, iżda taffettwa wkoll il-post tax-xogħol u l-komunità tan-negozju. “Il-vittmi ma jħallux l-esperjenzi tagħhom barra l-bieb meta jidħlu għax-xogħol. F’ċerti każijiet, il-post tax-xogħol jista’ jkun l-uniku post fejn persuna tħossha sigura biżżejjed biex titlob l-għajnuna,” qalet il-Ministru.
Hija saħqet li min iħaddem mhuwiex mistenni jkun counsellor, ħaddiem soċjali jew investigatur, iżda għandu jkun ippreparat biex jagħraf sinjali ta’ problema, jirrispondi b’mod xieraq u jkun jaf fejn jirreferi lill-persuna għall-għajnuna meħtieġa.
Il-Ministru rreferiet ukoll għall-forom ġodda ta’ vjolenza u kontroll li qed jiġu ffaċilitati mit-teknoloġija, fosthom l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-istalking. Hija saħqet li, minkejja li l-mezz jista’ jkun diġitali, il-konsegwenzi jibqgħu umani. F’dan il-kuntest, hija enfasizzat li l-leġiżlazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed u li hemm bżonn ta’ kultura fejn l-imġieba inaċċettabbli tkun rikonoxxuta u kkontestata, filwaqt li l-impjegati jkunu jafu fejn jistgħu jirrikorru meta jkollhom bżonn l-għajnuna.
“L-intenzjoni mhijiex li npoġġu piż ġdid fuq in-negozji, iżda li nagħtuhom l-għarfien, l-għodod u l-kunfidenza biex ikunu parti mis-soluzzjoni,” qalet il-Ministru. Hija saħqet li n-negozji mhumiex separati mis-soċjetà, iżda huma parti integrali minnha, u għalhekk għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol siguri u li jħaddnu kultura ta’ rispett.
L-attività ngħalqet bid-diskors tal-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, li saħqet li, filwaqt li l-intrapriżi għandhom obbligi legali mill-aspett tas-saħħa u s-sigurtà, jibbenefikaw ukoll minn aktar produttività u motivazzjoni meta l-post tax-xogħol ikun sigur u l-ħaddiema jħossuhom protetti. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ min iħaddem, sabiex dawn ikunu ppreparati aħjar għar-realtajiet tal-abbuż, li qed isiru dejjem aktar kumplessi.