Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Association of Groupage Operators (AGO), il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett enfasizza l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza fis-settur tal-loġistika, sabiex il-merkanzija li tasal f’pajjiżna tkun tista’ titwassal għand in-negozji u l-konsumaturi b’mod aktar effiċjenti.
Il-Ministru spjega kif il-faċilità tal-Containers and Groupage Unit f’Ħal Far għandha rwol importanti fil-katina tal-provvista ta’ pajjiżna, partikolarment għan-negozji żgħar u medji, billi tippermettilhom jaqsmu l-ispejjeż tat-trasport meta jimportaw il-merkanzija minn barra.
Huwa sostna li l-effiċjenza fil-loġistika ma tiddependix biss minn aktar investiment fl-infrastruttura, iżda wkoll minn organizzazzjoni aħjar, proċessi aktar moderni u koordinazzjoni bejn dawk kollha involuti. Fost il-prijoritajiet li semma kien hemm it-tnaqqis fil-ħinijiet tal-ipproċessar tal-merkanzija, it-titjib fil-moviment tal-vetturi, kif ukoll it-tisħiħ tas-sigurtà u l-użu aħjar tal-ispazji eżistenti.
Il-Ministru Bonett irrikonoxxa l-ħidma tal-AGO u l-kollaborazzjoni tagħha mad-Dwana, filwaqt li tenna l-importanza li l-awtoritajiet u l-operaturi jkomplu jaħdmu flimkien biex il-faċilità f’Ħal Far tkun faċilità aktar moderna, organizzata u effiċjenti, għall-benefiċċju tan-negozji Maltin u l-ekonomija ta’ pajjiżna.