gov.mt

pr261814

PR261814

28/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Malta miegħek: Aktar investiment fis-saħħa u fil-kura tal-anzjani biex il-familji jkollhom aktar serħan il-moħħ



Il-Budget 2027 ikompli jinvesti f’servizzi tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani li jagħtu serħan il-moħħ lill-familji, b’aktar kapaċità fl-isptarijiet, aktar kura fil-komunità u appoġġ konkret lill-pazjenti u lill-anzjani.

Saħaq dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Deo Debattista, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-Budget relatati maż-żewġ oqsma.

“Dan il-Budget ikompli jsaħħaħ il-ħidma tagħna biex il-pazjenti jingħataw il-kura li jeħtieġu, meta jeħtiġuha u eqreb lejhom. Qed ninvestu fl-istituzzjonijiet mediċi tagħna, iżda wkoll fil-komunità, fil-mediċini u fil-professjonisti tagħna. Il-prijorità tagħna hija li nwettqu dawn il-miżuri, biex il-pazjenti u l-familji tagħhom iħossu d-differenza fil-ħajja ta’ kuljum,” qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.

Fost l-investimenti ewlenin hemm €120 miljun għall-akbar tkabbir ta’ Mater Dei sa minn meta nfetaħ. Dan il-proġett li beda f’Awwissu ser iwassal biex l-ispazji għat-trattament fl-Emerġenza jiżdiedu minn 35 għal 70, kif ukoll jiġu introdotti faċilitajiet aħjar għall-emerġenza pedjatrika u għall-ħaddiema. Se jinħoloq ukoll spazju għall-kura akuta tas-saħħa mentali b’135 sodda u ġnien terapewtiku. 

Dr Borg fakkar fil-proġett tal-bini l-ġdid tad-Dipartiment tal-Immaġini Mediċi f’Mater Dei u l-investimenti ppjanati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fosthom disa’ kliniċi addizzjonali għall-outpatients u l-espansjoni tat-teatri tal-operazzjonijiet, biex aktar Għawdxin jirċievu kura f’Għawdex stess. Dawn se jkomplu jibnu fuq l-investiment fil-helipad il-ġdida fl-istess sptar, li ġiet inawgurata ftit jiem ilu. Dr Borg semma wkoll il-pjanijiet bit-tħejjija għall-masterplan għar-riġenerazzjoni tal-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech.

Is-saħħa mentali se tkompli tissaħħaħ ukoll permezz ta’ investiment f’Monte Karmeli u żewġ ċentri reġjonali li se jitlestew fl-2027. Se jkomplu jiżdiedu wkoll il-mediċini fil-Formularju tal-Gvern u jitjieb l-aċċess għal servizzi u mediċini, filwaqt li nkomplu nibnu fuq il-progress li sar, fosthom bit-tisħiħ tal-irwol tat-tobba privati tal-familja kif mħabbar ftit xhur ilu.

Dr Borg semma wkoll li mill-2027, se jkunu koperti wkoll l-ispejjeż ta’ persuna li takkumpanja pazjent adult mibgħut għall-kura barra minn Malta, biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista saħaq li l-Budget 2027 ikompli jsaħħaħ is-servizzi għall-anzjani anke permezz taż-żieda fl-iskema Carer at Home minn €9,000 għal €9,800 fis-sena.

“Irridu li l-anzjani tagħna jgħixu b’dinjità, bl-indipendenza u bl-appoġġ li jixirqilhom. Għalhekk qed insaħħu s-servizzi fi djarhom u fil-komunità, filwaqt li nżidu l-kapaċità u l-kura speċjalizzata fir-residenzi,” qal Dr Debattista.

Dr Debattista spjega wkoll li se jiżdiedu s-sodod fir-residenzi għall-anzjani biex titnaqqas il-lista ta’ stennija, filwaqt li se jissaħħu l-faċilitajiet speċjalizzati għall-persuni bid-dimensja u l-appoġġ lill-familjari tagħhom. Se jkompli wkoll l-investiment fil-kura fil-komunità, biex aktar anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fi djarhom bl-għajnuna meħtieġa.

Iż-żewġ kelliema rringrazzjaw lill-professjonisti u lill-ħaddiema kollha tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani għall-ħidma tagħhom ta’ kuljum.


​​