Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg nieda l-Kampanja ta' Tilqim Staġjonali 2026/2027, li se tibda nhar it-Tnejn, 2 ta' Novembru 2026.
Il-kampanja se toffri tilqim kontra l-influwenza staġjonali, il-COVID-19 u infezzjoni pnewmokokkali, mingħajr ħlas lill-persuni eliġibbli. It-tilqim jibqa' wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex jitnaqqas ir-riskju ta' mard serju u kumplikazzjonijiet minn infezzjonijiet respiratorji, partikolarment matul ix-xhur tax-xitwa.
Id-Deputat Prim Ministru kien fost l-ewwel li ħadu t-tilqima u ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex jagħmel l-istess. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Ministeru u lill-professjonisti tas-saħħa li ħadmu biex il-vaċċini jkunu disponibbli fil-ħin minkejja l-isfidi internazzjonali u biex is-servizz tat-tilqim jingħata bl-aħjar mod possibbli.
“Mit-Tnejn li ġej, il-Ministeru għas-Saħħa, se jibda jagħti t-tilqim staġjonali. Inħeġġeġ lil dawk kollha li s-soltu jieħdu t-tilqim biex jerġgħu jagħmlu dan, għaliex huwa importanti għalihom u għal dawk ta' madwarhom. Inħeġġeġ ukoll lil dawk li qed jikkunsidraw li jiħduh għall-ewwel darba biex jinfurmaw ruħhom, jieħdu d-deċiżjoni u jersqu għat-tilqim," qal Dr Borg.
Din is-sena, it-tilqim se jkun disponibbli permezz taċ-Ċentri tas-Saħħa f'Malta u Għawdex, il-kliniċi tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni għat-tfal, l-adolexxenti u nisa tqal u l-Kunsilli Lokali parteċipanti; u tobba li jaħdmu fis-settur privat u li jiksbu vaċċini mixtrija mill-Gvern. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħmel użu mis-servizz ta' tilqim l-aktar konvenjenti għalih.
Il-Gvern qed joffri dawn il-vaċċini mingħajr ħlas kif ġej:
- Il-vaċċin kontra l-influwenza staġjonali: disponibbli għall-persuni kollha minn sitt xhur 'il fuq;
- Il-vaċċin kontra l-COVID-19: disponibbli għall-persuni kollha minn sitt xhur 'il fuq; u
- Il-vaċċin PCV20 kontra l-pnewmokokku: disponibbli għall-adulti ta' 60 sena jew aktar, kif ukoll għal persuni taħt is-60 sena li għandhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi li jagħmluhom eliġibbli. Il-vaċċin PCV20 jingħata darba biss, għalhekk dawk li diġà ħaduh m'għandhomx jerġgħu jieħduh.
It-tliet vaċċini jistgħu jingħataw fl-istess żjara, skont l-eliġibbiltà klinika tal-persuna u l-valutazzjoni tal-professjonist tas-saħħa li jkun qed jagħti t-tilqim.
Mit-2 ta' Novembru 2026, l-adulti u l-adolexxenti minn 13-il sena 'il fuq jistgħu jattendu fil-kmamar tat-trattament taċ-Ċentri tas-Saħħa u mhux meħtieġ appuntament għall-ħinijiet u l-postijiet indikati hawn taħt.
Mill-Ħadd sal-Ġimgħa, inklużi l-festi pubbliċi iżda eskluż is-Sibt, it-tilqim se jkun disponibbli bejn is-1:00 p.m. u s-7:00 p.m. f'dawn iċ-ċentri:
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla;
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara;
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi; u
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta.
Mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi it-tilqim se jkun disponibbli bejn is-1:00 p.m. u s-7:00 p.m. f'dawn iċ-ċentri:
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta;
- Il-Hub tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid;
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana;
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira;
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Kirkop; u
- Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex.
Il-persuni kollha li jattendu għat-tilqim għandhom jippreżentaw karta tal-identità valida. It-tilqim kontra l-pnewmokokku huwa disponibbli b'mod regolari għall-adulti ta' 60 sena jew aktar. Adulti vulnerabbli taħt is-60 sena jeħtieġu Ċertifikat mingħand tabib li tikkonferma l-eliġibbiltà tagħhom għal dan it-tilqim.
Se jsiru sessjonijiet apposta għat-tilqim tat-trabi, it-tfal u l-adolexxenti minn sitt xhur sa 12-il sena, kif ukoll għan-nisa tqal, f'dawn il-kliniċi:
- Il-Klinika tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni fil-Furjana, għal Malta; u
- Il-Klinika tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni fir-Rabat, għal Għawdex.
Għal dawn is-sessjonijiet, mhux meħtieġ appuntament u t-tilqim se jkun disponibbli bejn is-7:30 a.m. u s-2:00 p.m. fid-dati li ġejjin:
- Is-Sibt, 7 u l-Ħadd, 8 ta' Novembru 2026;
- Is-Sibt, 14 u l-Ħadd, 15 ta' Novembru 2026;
- Is-Sibt, 21 u l-Ħadd, 22 ta' Novembru 2026;
- Is-Sibt, 28 u l-Ħadd, 29 ta' Novembru 2026;
- Is-Sibt, 5 u l-Ħadd, 6 ta' Diċembru 2026;
- Is-Sibt, 12 u l-Ħadd, 13 ta' Diċembru 2026; u
- Il-Ħadd, 27, it-Tnejn, 28, it-Tlieta, 29 u l-Erbgħa, 30 ta' Diċembru 2026.
Il-ġenituri jew il-gwardjani legali li jakkumpanjaw lit-tfal huma mitluba jġibu magħhom:
- Il-karta tal-identità tal-ġenitur jew tal-gwardjan legali; u
- Il-ktejjeb tat-tifel jew tat-tifla, magħruf bħala l-Baby Booklet.
Din is-sena se jiġu organizzati wkoll sessjonijiet ta' tilqim staġjonali permezz tal-Kunsilli Lokali parteċipanti, biex it-tilqim ikun aktar aċċessibbli fil-komunitajiet.
Minħabba li l-arranġamenti u d-dati jistgħu jvarjaw minn lokalità għal oħra, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jikkuntattja direttament lill-Kunsill Lokali tiegħu biex jikkonferma jekk hux qed jipparteċipa u jikseb id-dettalji dwar id-data, il-ħin u l-post tas-sessjoni tat-tilqim fil-lokalità tiegħu.
Fl-istess waqt, it-tobba li jaħdmu fis-settur privat jistgħu jiksbu provvisti ta' vaċċini kontra l-influwenza, il-COVID-19 u l-pnewmokokku (PCV20), mixtrija mill-Gvern, biex jagħtuhom lill-pazjenti eliġibbli fil-prattika privata tagħhom. Għaldaqstant, il-pazjenti li jippreferu jieħdu t-tilqim staġjonali mingħand it-tabib tal-familja tagħhom jew mingħand tabib ieħor fis-settur privat jistgħu jikkuntattjaw lit-tabib tagħhom direttament biex jiċċekkjaw jekk hux qed joffri dan is-servizz.
L-influwenza, il-COVID-19 u l-infezzjonijiet ikkawżati mill-l-pnewmokokku jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet serji, partikolarment fost l-anzjani, it-tfal minn sitt xhur sa ħames snin, il-persuni b'kundizzjonijiet mediċi kroniċi, in-nisa tqal, il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u persuni vulnerabbli oħra.
Il-monitoraġġ attwali f'Malta jindika żieda fil-każijiet ta' mard b'sintomi li jixbħu lil dawk tal-influwenza hekk kif jibda l-istaġun tal-infezzjonijiet respiratorji, għalkemm il-livelli jibqgħu ġeneralment simili għal dawk irreġistrati fl-istess perjodu fi staġuni preċedenti. Sa issa ma ġiet osservata l-ebda żieda relatata fid-dħul fl-isptar. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika se tkompli tiġi mmonitorjata matul il-ħarifa u x-xitwa.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa jħeġġu lill-pubbliku biex ma jipposponix it-tilqim sakemm l-infezzjonijiet respiratorji jinfirxu aktar. It-tilqim qabel iż-żieda fiċ-ċirkolazzjoni ta' dawn l-infezzjonijiet fix-xitwa jagħti żmien lill-ġisem jiżviluppa l-protezzjoni u jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta' mard serju.
Ipproteġi lilek innifsek u lil dawk ta' madwarek - ħu t-tilqim din ix-xitwa. Inqas influwenza, aktar mumenti għalik!
Għal aktar informazzjoni, żur il-websajt https://influwenza.gov.mt.
Ritratt: ODPM-MFH