L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela ingħaqad mal-inizjattiva ta' għarfien marbuta ma' Pink October u Movember, b'enfasi fuq l-importanza tal-prevenzjoni, l-iskoperta bikrija tal-kanċer u l-ħtieġa li kull individwu jieħu ħsieb saħħtu.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, l-Ispeaker żar l-istand tal-Blood Donation Unit kif ukoll tkellem mal-ħaddiema. Flimkien iddiskutew l-importanza tad-donazzjoni tad-demm bħala ġest ta' solidarjetà li jista' jsalva l-ħajjiet.
Flimkien maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold Michelle Muscat, l-Ispeaker żar l-istand tal-istess fondazzjoni kif ukoll żar l-istand tan-National Mental Health Services , li twaqqfu quddiem il-bini tal-Parlament. Ġie diskuss l-irwol importanti li għandhom inizjattivi bħal dawn biex ikomplu jżidu l-għarfien u jħeġġu aktar persuni jieħdu ħsieb ta' saħħithom.
L-Ispeaker saħaq dwar l-importanza li wieħed jagħti kas ta' kwalunkwe tibdil li jinnota u ma joqgħodx lura milli jfittex parir mediku meta jkun hemm bżonn. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-iskoperta bikrija, li tista' tagħmel differenza sinifikanti fil-ġlieda kontra l-kanċer.
L-Ispeaker irrimarka li l-għarfien u l-prevenzjoni m'għandhomx ikunu limitati għal xahar partikolari, iżda għandhom ikunu parti mill-kultura u mill-ħajja ta' kuljum. Huwa appella biex inkomplu nħeġġu diskussjoni miftuħa dwar is-saħħa, inneħħu l-istigma marbuta ma' ċertu mard u ninkoraġġixxu lil kulħadd jieħu l-passi meħtieġa għall-benesseri tiegħu.
Bħala turija ta' appoġġ u solidarjetà ma' din il-kawża, l-impjegati tal-Parlament ingħaqdu wkoll mal-inizjattiva billi libsu xi ħaġa roża u b'hekk taw il-kontribut tagħhom biex ikomplu jwasslu l-messaġġ ta' għarfien u prevenzjoni.
Pink October u Movember jibqgħu jfakkruna li l-għarfien, il-prevenzjoni u l-azzjoni f'waqtha huma kruċjali, u li kull wieħed u waħda minna għandu rwol x'jaqdi biex nibnu soċjetà aktar konxja u li tagħti prijorità lis-saħħa.