Studju li sar għall-ewwel darba f’Malta qed jitfa’ dawl fuq id-domanda għall-prostituzzjoni u l-fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għall-isfruttament sesswali. Ir-riċerka tipprovdi għarfien importanti li jista’ jservi ta’ bażi għal aktar inizjattivi ta’ prevenzjoni u politiki mmirati lejn il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-ġlieda kontra l-isfruttament.
Dan tħabbar waqt konferenza organizzata minn Friends of Thouret – Dar Hosea, li mexxiet il-proġett Prostitution and Violence: Unpacking the Demand, iffinanzjat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika permezz tal-programm Together We Empower.
Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar enfasizzat l-importanza li r-riċerka tissarraf f’azzjoni konkreta, filwaqt li saħqet li d-dinjità tal-bniedem, is-sigurtà u l-protezzjoni mill-vjolenza u l-isfruttament għandhom jibqgħu fil-qalba ta’ kull diskussjoni dwar il-prostituzzjoni.
“Irridu nkunu ċari fuq prinċipju fundamentali wieħed: il-ħlas ma jiħux post il-kunsens. Is-sess mingħajr kunsens huwa vjolenza sesswali, u l-kunsens jista’ jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin,” saħqet il-Ministru Cutajar, filwaqt li fakkret li kull persuna għandha dritt għad-dinjità, għall-awtonomija u għall-protezzjoni mill-abbuż, irrispettivament miċ-ċirkostanzi tagħha.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon sostna li dan l-istudju jista’ jgħin lill-Gvern ikompli jsaħħaħ il-politiki tiegħu f’dan il-qasam, b’approċċ li jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru u jiżgura l-protezzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
“Ħadd m’għandu jispiċċa vittma ta’ sfruttament sesswali, iżjed u iżjed meta dan ikun riżultat ta’ abbuż. M’għandna qatt niġġudikaw, u kull każ għandu jingħata l-appoġġ u s-sapport meħtieġ b’mod dinjituż,” saħaq il-Ministru Falzon.
Il-konferenza enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-ġeneru, l-iżbilanċi fil-poter u n-normi soċjali li jistgħu jikkontribwixxu għall-isfruttament u l-vjolenza kontra n-nisa.
Il-proġett għandu wkoll l-għan li jittrasforma s-sejbiet tar-riċerka f’inizjattivi konkreti, fosthom workshops maż-żgħażagħ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni pubblika, b’enfasi partikolari fuq l-involviment tas-subien u l-irġiel fil-prevenzjoni tal-isfruttament u fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Fl-intervent tagħha, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan enfasizzat l-importanza li l-prevenzjoni tindirizza mhux biss il-konsegwenzi tal-isfruttament, iżda wkoll l-attitudnijiet u l-imġiba li jistgħu jwasslu għalih.
Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-istudju joffru bażi għal aktar ħidma fil-qasam tal-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-tfassil ta’ politiki infurmati, bil-għan li jissaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna u l-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali.