gov.mt

PR261830

PR261830

31/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI L-Autumn Fest f’Ta’ Qali joffri programm ta’ attivitajiet għall-familja, divertiment u prodotti lokali

​​

Il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali qed jospita l-Autumn Fest, avveniment tematiku li jgħaqqad id-divertiment, il-kreattività, il-prodotti lokali u l-attivitajiet għall-familja f’atmosfera ispirata mill-ħarifa u l-Halloween.

Dan l-avveniment huwa maħsub biex joffri spazju fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu ħin flimkien, filwaqt li t-tfal ikollhom l-opportunità jieħdu sehem f’attivitajiet kreattivi u rikreattivi. 

L-attivitajiet tal-Autumn Fest bdew nhar il-Ġimgħa, meta diversi studenti żaru l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali u ħadu sehem fi programm ta’ attivitajiet imfassal apposta għalihom. Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-Kap tat-Taqsima li tmexxi l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali Jason Micallef żaret l-attivitajiet u ltaqgħet mal-istudenti li kienu qed jipparteċipaw f’din l-esperjenza.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli spjegat li din l-inizjattiva hija parti mill-investiment li qed isir biex il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali jkompli jiġi żviluppat bħala spazju modern, aċċessibbli u aktar attiv għall-familji u l-komunità. Hija saħqet li l-għan huwa li dan il-park ikompli joffri esperjenzi ġodda u opportunitajiet ta’ rikreazzjoni għal persuni ta’ kull età, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala wieħed mill-ispazji pubbliċi ewlenin fil-pajjiż.

“Qed ninvestu f’Ta’ Qali biex ikollna spazji pubbliċi li joffru aktar opportunitajiet lill-familji u lit-tfal, mhux biss biex igawdu n-natura, iżda wkoll biex jipparteċipaw f’attivitajiet li jġibu lill-komunità flimkien. Irridu li dan il-park ikompli jkun post fejn jinħolqu esperjenzi sbieħ u fejn il-familji jkollhom aktar opportunitajiet li jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien,” qalet il-Ministru Alison Zerafa Civelli.

Il-Kap tat-Taqsima li tmexxi l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, Jason Micallef, irringrazzja lill-organizzaturi talli għażlu lil Ta’ Qali biex jospitaw din l-inizjattiva, filwaqt li esprima l-apprezzament tiegħu lejn kull min qed jikkontribwixxi biex dan l-ispazju pubbliku jibqa’ joffri opportunitajiet għal attivitajiet differenti li jattiraw lill-familji u lill-komunità.

Il-programm tal-Ħadd, 1 ta’ Novembru se joffri l-esperjenza sħiħa tal-Autumn Fest, b’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet għall-familja kollha. Fost l-attrazzjonijiet se jkun hemm park tad-divertiment b’diversi karozzini u logħob, flimkien ma’ bżieżaq u dekorazzjonijiet b’tema tal-ħarifa u l-Halloween. Il-viżitaturi se jkollhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu ma’ karattri u mascots.

Parti oħra mill-avveniment se tkun iddedikata lill-prodotti artiġjanali u lokali, b’diversi stands li se joffru prodotti tematiċi tal-Halloween, għasel lokali, ġobon artiġjanali u prodotti tradizzjonali oħra. 

L-Autumn Fest se jinkludi wkoll żona ddedikata għall-ikel u x-xorb, kif ukoll spazju taċ-ċinema fil-beraħ maħsub għall-familji u t-tfal. Se jkun hemm ukoll “maze” tematiku tal-biża’ li se jkun parti mill-esperjenza tal-festival.

Il-Ħadd filgħaxija, il-programm se jkompli b’divertiment mużikali dirett. Mill-ħabta tas-6:00pm, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi prestazzjoni minn Ozzie Lino, segwita minn prestazzjoni live ta’ Glenn & Amber.

Permezz ta’ dan il-programm, l-Autumn Fest se joffri taħlita ta’ divertiment, kreattività, prodotti lokali u mużika, filwaqt li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali bħala spazju miftuħ fejn il-familji u l-komunità jistgħu jiltaqgħu u jgawdu minn esperjenzi differenti flimkien.


​