gov.mt

PR261831

PR261831

31/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Kunċert “Tisbit” jirritorna b’edizzjoni spettakolari fit-Teatru tal-Opra Aurora b’aktar minn 70 mużiċist fuq palk wieħed

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li s-sitt edizzjoni tal-kunċert Tisbit, se tittella’ nhar is-Sibt, 7 ta’ Novembru, fit-8pm, fit-Teatru tal-Opra Aurora fil-Belt Victoria. Din is-sena Tisbit se jkun qed jippreżenta l-akbar edizzjoni li qatt saret, b’aktar minn 70 mużiċist fuq palk wieħed, f’kunċert li jwiegħed spettaklu mużikali mill-aqwa għall-udjenzi ta’ kull età.

Għal din l-edizzjoni, id-drummers u l-perkussjonisti ta’ The Clef House se jingħaqdu mal-Malta Youth Orchestra, l-orkestra nazzjonali taż-żgħażagħ, f’kollaborazzjoni mużikali li se tgħaqqad l-enerġija tal-perkussjoni mal-kobor u l-qawwa tal-ħoss orkestrali.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li inizjattivi kulturali bħal Tisbit ikomplu jsaħħu l-offerta kulturali ta’ Għawdex u joħolqu opportunitajiet għal kollaborazzjonijiet artistiċi ta’ livell. Huwa kompla jgħid li “din l-edizzjoni ta’ Tisbit se tkun waħda tassew speċjali, mhux biss għax se jkollna aktar minn 70 mużiċist fuq palk wieħed, iżda wkoll minħabba l-kollaborazzjoni bejn it-talent ta’ The Clef House u l-Malta Youth Orchestra. Aħna nemmnu fl-importanza li nkom​plu noħolqu spazji fejn it-talent mużikali, speċjalment dak taż-żgħażagħ, jingħata l-opportunità li jikber u jispikka. Għal darb’oħra, Għawdex se jkun qed joffri esperjenza kulturali ta’ livell, indirizzata lill-familja kollha.”

Tisbit huwa kunċert li jgħaqqad il-mużika, it-talent u l-enerġija ta’ mużiċisti differenti fi spettaklu wieħed, u din is-sena se jilħaq dimensjoni ġdida permezz tal-akbar numru ta’ artisti li qatt ħadu sehem fih.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lill-pubbliku jattendi għal din l-edizzjoni speċjali ta’ Tisbit u jgawdi minn serata mużikali unika fil-gżira Għawdxija.


​