Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Chris Fearne, jinsab f’Antigua u Barbuda biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Commonwealth, fejn Malta qed tkompli tagħti kontribut attiv għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u r-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ pajjiżi minn madwar id-dinja.
Bħala Chair tal-Grupp Ministerjali ta’ Azzjoni tal-Commonwealth (CMAG), il-Ministru Fearne kellu laqgħa preparatorja mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, li matulha ġew diskussi l-ħidma tal-organizzazzjoni u l-prijoritajiet għal-laqgħat ta’ din il-ġimgħa.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif il-Commonwealth tista’ ssir aktar effiċjenti u rappreżentattiva, fosthom permezz ta’ proposti għal titjib fil-mod kif taħdem l-organizzazzjoni. Ġie diskuss ukoll ir-rapport dwar il-ħidma tal-Grupp Ministerjali matul l-aħħar sentejn, li l-Ministru Fearne se jippreżenta lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin u lill-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonwealth.
Il-Ministru Fearne saħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Malta fil-Commonwealth, li tiġbor fiha 56 pajjiż. Huwa spjega li din il-pjattaforma mhux biss issaħħaħ il-multilateraliżmu, iżda toffri wkoll opportunitajiet importanti biex Malta tibni u tapprofondixxi r-relazzjonijiet diplomatiċi tagħha ma’ pajjiżi minn diversi reġjuni tad-dinja.
Il-Ministru Fearne kellu wkoll laqgħa bilaterali mas-Senatur Adrian Thomas, Ministru għat-Turiżmu, l-Ekonomija Kreattiva u l-Kultura ta’ Grenada. Fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn il-ministeri għall-affarijiet barranin ta’ Malta u Grenada, bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-ftehim jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni prattika, b’enfasi fuq l-iskambju ta’ esperjenza u għarfien tekniku, it-taħriġ diplomatiku u konsulari, l-iżvilupp professjonali, kif ukoll il-kooperazzjoni fl-ippjanar tal-politika barranija u fid-diplomazija multilaterali.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Malta u Grenada se jkunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw il-kollaborazzjoni tagħhom permezz ta’ taħriġ, żjarat ta’ studju u skambji bejn l-istituzzjonijiet rispettivi, skont il-prijoritajiet u r-riżorsi disponibbli.
Dawn l-impenji jirriflettu l-ħidma ta’ Malta biex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha, twessa’ l-kuntatti diplomatiċi ma’ pajjiżi lil hinn mill-Ewropa u tippromwovi kooperazzjoni konkreta permezz tal-Commonwealth.