gov.mt

PR261835

PR261835

01/11/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT EquestriMalta Awards 2026: Rikonoxximent għal 17-il kisba sportiva u aktar ħidma biex jissaħħaħ l-isport ekwestri f’Malta

Il-Ministru Byron Camilleri jtenni l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-atleti, fil-federazzjonijiet u fl-iżvilupp tal-isport ekwestri

Sbatax-il premju ngħataw waqt l-EquestriMalta Awards 2026, f’ċerimonja li ċċelebrat il-kisbiet sportivi tas-snin 2024 u 2025 fid-dixxiplini tat-tiġrijiet taż-żwiemel, il-qbiż taż-żwiemel u l-polo. 

Il-premjijiet taw rikonoxximent lill-atleti li spikkaw għall-prestazzjonijiet u d-dedikazzjoni tagħhom, kif ukoll lil dawk li taw kontribut importanti għall-iżvilupp ta’ dan l-isport f’Malta. Fost ir-rikonoxximenti kien hemm ukoll premjijiet għall-kisbiet internazzjonali u għall-kontribut tul il-karriera.

Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri feraħ lir-rebbieħa u rringrazzja lil EquestriMalta għall-ħidma tagħha biex tkompli tgħolli l-livell u l-professjonalità fl-isport ekwestri. Huwa saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-appoġġ lill-atleti, lill-assoċjazzjonijiet u lill-federazzjonijiet, filwaqt li jinvesti f’faċilitajiet sportivi moderni.

Il-Ministru Camilleri spjega li qed jiġi studjat aktar titjib fil-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel, bil-viżjoni li din tkompli tiżviluppa f’kumpless sportiv komplut, b’faċilitajiet adegwati għas-sidien taż-żwiemel u għad-dilettanti. Fl-istess waqt, għaddejja ħidma biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-klabb tal-polo, bil-għan li fil-futur dan l-isport ikollu grawnd modern u tal-ogħla livell, kif jixraq lil dixxiplina bi tradizzjoni ta’ kważi 150 sena f’Malta.

“Il-kisbiet tal-atleti tagħna huma xhieda tat-talent, tad-dedikazzjoni u tal-potenzjal li għandu l-isport ekwestri f’pajjiżna. Irridu nkomplu nibnu fuq dawn is-suċċessi billi nsaħħu l-appoġġ lill-atleti u lill-federazzjonijiet, u ninvestu f’faċilitajiet li joffrulhom l-aħjar kundizzjonijiet biex ikomplu javvanzaw. L-impenn tagħna huwa li dan l-isport ikompli jikber u jikseb aktar suċċessi, anke fuq livell internazzjonali,” qal il-Ministru Camilleri.

Huwa fakkar fis-suċċess ta’ Redent Magro, li sar it-tieni Malti li rebaħ il-Kampjonat Dinji tat-Trott tal-FEGAT, li x-xahar li għadda ġie organizzat f’Malta. Il-Ministru faħħar ukoll lill-Malta Equestrian Federation għall-investiment li sar fl-arena ta’ MonteKristo, bl-appoġġ ta’ EquestriMalta, li se jkompli jtejjeb il-faċilitajiet disponibbli għall-atleti.

Il-Ministru Camilleri rrefera wkoll għall-investiment tal-Gvern fl-isport, hekk kif il-Budget 2027 jipprevedi allokazzjoni rekord ta’ kważi €28 miljun, żieda ta’ 43% fuq is-sena ta’ qabel, b’parti sostanzjali minn dan l-ammont iddedikata għat-titjib tal-infrastruttura sportiva.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit, saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-premjijiet bħala opportunità biex il-kisbiet tal-atleti jingħataw rikonoxximent fuq livell nazzjonali. “Dawn l-awards imorru lil hinn minn sempliċi rikonoxximent, iżda serata bħal din qiegħda tpoġġi lill-isportivi fuq vetrina nazzjonali. Il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jara l-potenzjal ta’ dan l-isport, li jagħti kontribut ta’ miljuni ta’ ewro lill-ekonomija Maltija grazzi għas-sagrifiċċji tal-isportivi li jipprattikawh.”

“Għalhekk, EquestriMalta qed tinvesti fis-settur sena wara l-oħra b’finanzjament bla preċedent, b’inizjattivi varji ta’ promozzjoni diretta tal-isport, b’għajnuna lill-assoċjazzjonijiet rispettivi kollha u lill-atleti, kif ukoll b’għajnuna għall-benesseri taż-żwiemel sportivi. Permezz tal-ospitar ta’ kampjonati u avvenimenti internazzjonali u inizjattivi edukattivi, se nkomplu ngħinu lil dan l-isport javvanza fejn jixraqlu,” qal Zammit.

Rodney Gatt, li rebaħ żewġ premjijiet, fosthom dak tas-Sewwieq tas-Sena, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-rikonoxximent. “Ninsab kuntent ħafna li rbaħt dawn iż-żewġ premjijiet, li warajhom hemm sagrifiċċju u dedikazzjoni kbira. Dan mhux biss min-naħa tiegħi, iżda wkoll minn kull min, bħali, jagħti ħinu u l-enerġija tiegħu għal dan l-isport. Ninsab sodisfatt ħafna bir-riżultati miksuba, li jirriflettu l-ħidma u d-dedikazzjoni kontinwa tagħna,” qal Gatt.

Il-Ministru Camilleri temm billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-isport u joħloq aktar opportunitajiet għall-atleti Maltin u Għawdxin, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.


​​​​