gov.mt

pr261837

PR261837

02/11/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Malta Miegħek: Terapiji b’xejn għat-tfal u aktar sostenn għall-familji ta’ persuni b’diżabilità

​​

Aktar minn €75 miljun f’għajnuniet għas-sena d-dieħla 

Il-Budget 2027 se jwassal għal aktar serħan il-moħħ għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, permezz ta’ terapiji b’xejn għat-tfal taħt it-18-il sena, tisħiħ fil-Carer’s Grant u żidiet fil-benefiċċji soċjali. Dan filwaqt li l-allokazzjoni għall-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat se titla’ għal €75 miljun, żieda ta’ €7 miljun, bl-akbar baġit li qatt ġie allokat għall-qasam tad-diżabilità. 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia saħqet li dawn il-miżuri jirriflettu l-impenn tal-Gvern li jqassam il-ġid u jkompli jwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu permezz ta’ appoġġ li jinħass fil-ħajja ta’ kuljum. 

“Dan huwa Budget b’qalb soċjali b’saħħitha, li jagħti sostenn akbar lill-familji u lil dawk li l-aktar li għandhom bżonn. Wara kull miżura hemm tfal li rridu nagħtuhom l-aħjar bidu possibbli, ġenituri li rridu nserrħulhom moħħhom u persuni b’diżabilità li rridu nkomplu nsaħħulhom l-indipendenza,” qalet il-Ministru Farrugia. 

Fost il-miżuri ewlenin hemm dik li l-Gvern se jkun qiegħed ikopri l-ispejjeż tat-terapiji meħtieġa għat-tfal b’diżabilità taħt it-18-il sena. Il-Ministru spjegat li din twettaq wegħda ċentrali tal-manifest elettorali, b’enfasi fuq l-importanza tal-intervent bikri u ta’ appoġġ imfassal fuq il-ħtiġijiet individwali tat-tfal.

Din il-miżura se tibni fuq l-iskema eżistenti tar-rifużjoni għat-terapiji, li bħalissa tipprovdi sa €1,000 fis-sena għal kull wild eliġibbli.

Il-Ministru laqgħet l-appoġġ tad-Down Syndrome Association u r-reazzjoni pożittiva ta’ Elena Tanti Burlò mill-Equal Partners Foundation, li enfasizzat ukoll l-importanza ta’ proċeduri ċari u terapiji bbażati fuq l-evidenza. Għamlet referenza wkoll għall-punt imqajjem minn Karen Buttigieg min-National Parents Society of Persons with Disabilities dwar il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn it-terapiji u l-ħajja tat-tfal. “Irridu li t-tfal jirċievu t-terapija li jeħtieġu, filwaqt li jkollhom il-ħin jilagħbu, jagħmlu l-ħbieb u jgawdu l-ħajja mal-familja tagħhom. It-tfal b’diżabilità għandhom l-istess dritt għal tfulija sabiħa bħal kull tifel u tifla oħra. Għalhekk qed naħdmu għal appoġġ professjonali u bilanċjat li jgħinhom jiżviluppaw u jipparteċipaw fil-ħajja ta’ kuljum,” sostniet il-Ministru.

Tim interdixxiplinarju diġà qed jaħdem fuq il-qafas tekniku tal-miżura. Qed tiġi eżaminata sistema li permezz tagħha l-Gvern ikompli jipprovdi dawn is-servizzi, filwaqt li, fejn ma jintlaħqux parametri definiti, is-sessjonijiet ikunu jistgħu jingħataw permezz tas-settur privat bi spiża koperta mill-Gvern. Biex din is-sistema tidħol fis-seħħ qed naraw li bejn Jannar u Ġunju li ġej: dawk li għandhom EU Disability card jieħdu r-rifużjoni eżistenti kollha mmexxija mis-CRPD. Minn Ġunju ’l quddiem tiskatta s-sistema l-ġdida tal-pagamenti. Liema sistema se tibda titmexxa mill-Aġenzija Sapport. 

Il-Ministru Farrugia spjegat li se tibqa’ fis-seħħ l-għajnuna ta’ €1,000 għal żgħażagħ b’diżabilità ta’ bejn it-18 u t-23 sena. 

Il-Ministru tkellmet dwar wegħda oħra l-Carer’s Grant għall-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu minħabba d-diżabilità severa ta’ wliedhom se titla’ għal €7,500 fis-sena. Dan ifisser żieda ta’ kważi 40%. Hija fissret din iż-żieda bħala pass konkret lejn it-twettiq tal-wegħda elettorali li l-għotja gradwalment tilħaq l-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali netta.

Barra minn hekk, ġenituri eliġibbli li jaħdmu part-time għal mhux aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-Carer’s Grant, bir-rata ekwivalenti għal nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta. Il-Ministru qalet li fost l-ewwel reazzjonijiet li rċeviet kien hemm dawk ta’ ġenituri żgħażagħ li din il-miżura se tagħtihom aktar ċertezza finanzjarja, filwaqt li jkunu jistgħu jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol u jieħdu ħsieb lil uliedhom. 

Iż-żidiet fil-Paga Minima Nazzjonali u l-COLA se jwasslu wkoll għal benefiċċji ogħla għal madwar 15,000 persuna b’diżabilità, carers u benefiċjarji tal-assistenza soċjali. L-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa se tiżdied b’€9.37 fil-ġimgħa, filwaqt li l-assistenzi u l-benefiċċji l-oħra mħabbra se jiżdiedu b’€6.41 fil-ġimgħa. 

Mill-2027, persuni b’diżabilità b’pensjoni kontributorja li qabel kienu jirċievu benefiċċju għad-diżabilità jew pensjoni għall-korriment fuq ix-xogħol se jirċievu 20% minflok 10% tal-benefiċċju preċedenti, bil-għan li dan il-persentaġġ jilħaq il-50% fis-snin li ġejjin.

Il-Ministru Farrugia temmet tgħid li fid-diskors dwar l-estimi tal-Ministeru se tħabbar aktar dettalji dwar l-investiment f’żewġ ċentri ġodda tar-respite, biex jissaħħu s-servizzi għall-persuni b’diżabilità u jiżdied l-appoġġ lill-familji tagħhom. 

“L-akbar baġit li qatt kellna f’dan il-qasam qed insarrfuh f’investiment li l-familji jħossuh f’ħajjithom. B’aktar ċentri tar-respite, se noffru aktar opportunitajiet ta’ kura u appoġġ ta’ kwalità lill-persuni b’diżabilità, filwaqt li nagħtu lill-familji tagħhom aktar mistrieħ u serħan il-moħħ. Dan huwa Gvern li jwettaq il-wegħdiet tiegħu u jinvesti biex il-progress ta’ pajjiżna jasal għand kulħadd,” ikkonkludiet il-Ministru Julia Farrugia.


​