gov.mt

pr261838

PR261838

02/11/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jitlestew ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni fil-Wied ta’ Mġarr ix-Xini biex jittejjeb l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita u jitħares l-ambjent naturali


Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar il-Wied ta’ Mġarr ix-Xini, fil-limiti tax-Xewkija, li matul dan is-sajf sarulu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni. L-intervent kopra medda ta’ madwar kilometru, minn Triq tal-Gruwa sad-diega eżistenti, u kellu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-wied li jimmaniġġja l-ilma tax-xita, filwaqt li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar u għall-konservazzjoni tal-bijodiversità.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li, “Il-widien Għawdxin huma parti importanti mill-wirt naturali u mill-ekosistema ta’ gżiritna. Bit-tlestija tax-xogħlijiet fil-Wied ta’ Mġarr ix-Xini, qed inkomplu nsaħħu l-kapaċità tal-wied li jiġbor u jmexxi l-ilma tax-xita, filwaqt li nagħtu prijorità lill-ħarsien tal-ħamrija, tal-veġetazzjoni indiġena u tal-bijodiversità. Dan l-intervent jgħin biex innaqqsu r-riskji marbuta mal-akkumulazzjoni tal-ilma u nħarsu aħjar l-ambjent naturali u l-pajsaġġi.”

Ix-xogħlijiet inkludew it-tneħħija tal-veġetazzjoni minn żona ta’ madwar 11,700 metru kwadru, kif ukoll it-tneħħija ta’ madwar 24,500 metru kubu ta’ sediment u materjal akkumulat fil-wied. Din il-ħidma għenet biex jerġgħu jinfetħu partijiet mill-wied li kienu mtlew maż-żmien u titjieb il-kapaċità tiegħu li jilqa’ u jmexxi l-ilma tax-xita.

Il-Ministru Camilleri stqarr li attenzjoni partikolari ngħatat lill-kontroll tal-ispeċi invażivi, b’mod speċjali l-qasab, li jinfirex malajr, jostakola l-fluss tal-ilma u jikkompeti mal-veġetazzjoni indiġena. It-tneħħija tiegħu tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għar-riġenerazzjoni tal-ħabitat naturali, filwaqt li jitħarsu s-siġar u l-ispeċi protetti. Il-ħarsien tal-ħamrija u r-riġenerazzjoni tal-veġetazzjoni naturali huma parti integrali mir-riabilitazzjoni tal-wied.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li t-tlestija ta’ dan il-proġett tikkontribwixxi għal immaniġġjar aħjar tal-ilma tax-xita u għat-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar, filwaqt li ssaħħaħ il-valur ekoloġiku u tal-pajsaġġ ta’ Wied ta’ Mġarr ix-Xini.


​