Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield ħabbar li l-multa ta' €235 għal min jinqabad ipejjep il-kannabis f'postijiet pubbliċi bi ksur tal-liġi se tkun qed tiddaħħal fis-sistema tal-On The Spot Fines, biex tkun tista' tinġabar fuq il-post mingħand persuni mhux residenti abitwali f'Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Miegħek; il-Ministru saħaq li t-tipjip tal-kannabis fil-pubbliku huwa illegali u jikser id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 537 tal-Liġijiet ta' Malta. Huwa sostna li dan huwa wkoll aġir li jdejjaq lil dawk ta' madwar u għalhekk jeħtieġ aktar infurzar.
“Il-pussess tad-droga, anke f'ammonti żgħar, huwa illegali. It-tipjip tal-kannabis f'postijiet pubbliċi huwa wkoll illegali u m'għandux isir. Irridu aktar infurzar kontra min ma jirrispettax lil ta' madwaru," qal il-Ministru Bedingfield.
Huwa saħaq li l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga trid tkun responsabbiltà kollettiva, b'front nazzjonali wieħed kontra min jisfrutta l-vulnerabbiltà fis-soċjetà. Fl-istess waqt, il-persuni li jbatu minn dipendenza fuq id-droga għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ, permezz ta' ħidma kontinwa flimkien mal-għaqdiet mhux governattivi.
Sigurtà bħala prijorità fil-Budget 2027
Il-Ministru spjega li s-sigurtà hija element essenzjali għall-prosperità ekonomika ta' pajjiżna, filwaqt li fakkar li Malta tinsab fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fil-qasam tal-ordni u s-sigurtà.
Għas-sena d-dieħla, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà se jkollu allokazzjoni ta' kważi €500 miljun, li tinkludi €125.5 miljun f'nefqa kapitali. Dan jirrappreżenta żieda ta' €80 miljun fuq is-sena kurrenti.
Fost l-allokazzjonijiet ewlenin hemm:
- €150 miljun għall-Korp tal-Pulizija;
- €143 miljun għall-Forzi Armati ta' Malta;
- €29 miljun għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili;
- €37 miljun għall-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Il-Ministru qal li l-investiment fil-korpi dixxiplinati huwa investiment fin-nies li ta' kuljum jaħdmu biex jipproteġu lis-soċjetà. F'dan il-kuntest, semma ż-żieda ta' €33 miljun għall-Forzi Armati u ta' €16-il miljun għall-Korp tal-Pulizija, fost investimenti oħra f'apparat, taħriġ, sorveljanza u infrastruttura.
Huwa fakkar ukoll li matul l-aħħar għaxar snin ir-rata tas-serq naqset b'66%, u qal li l-Gvern se jkompli jinvesti kemm fl-infurzar kif ukoll fil-prevenzjoni tal-kriminalità. “Is-sigurtà hija dritt li għandu jgawdi kulħadd," temm jgħid il-Ministru Bedingfield.