• Il-Ministru Byron Camilleri jtenni l-impenn tal-Gvern għal aktar investiment fir-rugby Malti u fit-tisħiħ tal-infrastruttura sportiva fil-Marsa
It-Tim Nazzjonali tar-Rugby ta’ Malta se jilgħab il-100 partita internazzjonali tiegħu nhar is-Sibt, 7 ta’ Novembru 2026, kontra l-Ġermanja, fil-Hibernians Stadium, f’Raħal Ġdid. Dan it-tragward importanti fl-istorja tar-rugby Malti se jkun qed jiġi ċċelebrat f’sena ta’ suċċessi għat-tim nazzjonali, li għall-ewwel darba kiseb il-promozzjoni għar-Rugby Europe Trophy.
Id-dettalji ta’ din il-partita tħabbru mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, flimkien mal-President tal-Malta Rugby Football Union (MRFU), Gerald Strickland, il-kowċ tat-tim nazzjonali, Phil Pretorius, u l-captain Joe Greaves, fil-preżenza tal-plejers tat-tim nazzjonali. Dan filwaqt li ż-żewġ partijiet tennew relazzjoni dejjem aktar imsaħħa biex dan l-isport ikompli jikber anke b’aktar investiment fit-tim nazzjonali.
Il-Ministru Camilleri faħħar il-ħidma tal-MRFU u d-dedikazzjoni tal-plejers, il-kowċis, il-voluntiera u dawk kollha li matul is-snin taw sehemhom biex ir-rugby Malti jkompli jikber u jikseb riżultati importanti fix-xena internazzjonali.
“Il-mitt logħba internazzjonali hija tragward li għandu jimliena bi kburija, u fl-istess waqt opportunità biex inħarsu lejn il-futur tar-rugby f’pajjiżna. Is-suċċessi tat-tim nazzjonali huma frott snin ta’ ħidma, sagrifiċċji u dedikazzjoni minn komunità sportiva li dejjem emmnet fil-potenzjal tagħha. Illum għandna tim li qed jikkompeti f’livell ogħla, u bħala Gvern se nkomplu nibnu fuq dawn il-kisbiet, billi nsaħħu l-appoġġ lejn dan l-isport u noħolqu aktar opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ. Nhar is-Sibt irridu naraw l-istadium mimli partitarji, magħqudin wara t-tim nazzjonali tagħna. Din se tkun okkażjoni biex niċċelebraw dak li nkiseb, nuru l-appoġġ tagħna lill-plejers Maltin u nħarsu ’l quddiem lejn kapitlu ġdid ta’ aktar suċċessi għar-rugby Malti,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru tenna li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-MRFU fit-twettiq tal-pjan ta’ ħidma tagħha sal-2031, li fost il-prijoritajiet tiegħu għandu li jressaq aktar tfal u żgħażagħ lejn ir-rugby. F’dan il-kuntest, ħabbar ukoll l-impenn tal-Ministeru biex tissaħħaħ l-infrastruttura tar-rugby fil-Marsa Sports Grounds, b’aktar dettalji dwar dawn il-pjanijiet mistennija jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li għal din l-okkażjoni se jkun preżenti f’Malta Martin Johnson, eks captain tat-tim nazzjonali Ingliż li mexxa lill-Ingilterra għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby fl-2003. Il-preżenza tiegħu se tkun qed iżżid mad-dimensjoni internazzjonali ta’ dan it-tragward importanti għar-rugby Malti.
Il-President tal-Malta Rugby Football Union, Gerald Strickland, sostna li dan huwa żmien importanti għall-iżvilupp tar-rugby Malti, hekk kif it-tim nazzjonali qed ikompli jibni fuq is-suċċessi miksuba matul din is-sena. “Il-ħolma tagħna li nilħqu t-Tazza tad-Dinja tar-Rugby tal-2031 mhijiex biss dwar il-logħbiet. Tiddependi fuq investiment sostnut fil-programm ta’ prestazzjoni tagħna, fil-faċilitajiet, fit-turiżmu sportiv u fil-governanza tal-isport tagħna,” stqarr Strickland. Il-Captain tat-Tim Nazzjonali tar-Rugby, Joe Greaves, sostna li l-100 partita internazzjonali tirrappreżenta vjaġġ importanti għar-rugby Malti u konferma tal-progress li sar matul dawn l-aħħar snin. Min-naħa tiegħu, il-kowċ tat-Tim Nazzjonali, Phil Pretorius, enfasizza l-għaqda u l-kburija tal-plejers li jirrappreżentaw lil Malta.
It-tim nazzjonali kiseb il-promozzjoni għar-Rugby Europe Trophy għall-ewwel darba wara rebħiet kontra Andorra, Ċipru u Iżrael, u rebħa ta’ 39–13 kontra l-Awstrija fil-play-off. Malta bdiet din il-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 36–17 kontra d-Danimarka, wara li rnexxielha ddawwar żvantaġġ ta’ 17-il punt, biex issa tinsab fit-tieni post tal-klassifika.
L-isfida li jmiss se tkun kontra l-Ġermanja, li bdiet il-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 54–7 kontra l-Litwanja. Minkejja d-differenza fir-riżorsi bejn iż-żewġ pajjiżi, it-tim Malti se jfittex li jkompli jibni fuq ir-riżultati pożittivi tiegħu. Matul dan l-istaġun, Malta se tiltaqa’ wkoll maċ-Ċekja, l-Iżvezja u l-Litwanja.
Il-partita tas-Sibt kontra l-Ġermanja se tkun miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas, filwaqt li d-donazzjonijiet li jinġabru se jingħataw lil Puttinu Cares. B’hekk, din l-okkażjoni se tgħaqqad iċ-ċelebrazzjoni ta’ tragward sportiv importanti ma’ inizjattiva ta’ solidarjetà.